Għall-kalma ta’ wara

Għaddew il-jiem tal-gdim tad-diffrejn u issa kulħadd, nittama, reġa’ lura għall-kalma ta’ wara. Naturalment, wara l-kampanji elettorali, wara it-tbaqbiqiet mill-oppożituri, wara l-eżasperazzjoni tal-elezzjonijiet, wara l-eċċitament tar-rebħa (jew, għal oħrajn, it-telfa) ... lura għall-kalma, lura għall-ħajja normali, lura għax-xogħol.

Hawn bħal barra

L-elezzjonijiet, kbar jew żgħar, iġibu dan l-effett stramb fuq il-Maltin u l-Għawdxin. Ibaqbquhom. Għall-ewwel jidher li l-biċċa l-kbira jirnexxielhom iżommu l-kalma, imma mbagħad, malli l-arja tibda tisħon, jisħnu wkoll l-irjus, itaqtqu l-ilsna u jtiru x-xrar. Ħafna jitilfu rashom iżżejjed. Il-biċċa l-kbira għandu jkun jitqattgħu minn ġewwa.

Kont naħseb li dan jiġri biss fil-gżejjer tagħna. Imma le. Ma jiġrix biss hawnhekk. Id-deni elettorali jitla’ kullimkien. Ukoll f’dawk il-postijiet fejn għandhom mnejn jaħsbu li huma aktar iċċivilizzati minn ħaddieħor; f’xi Franza, ngħidu aħna, jew f’xi Olanda. Kulfejn ikun hemm elezzjonijiet demokratiċi, dejjem issib lil min jitqanqal iżżejjed, jinkwieta u jitbaqbaq.

Jista’ jkun li fil-gżejjer tagħna dan jinħass aktar għax huma ħafna aktar, relattivament, iċ-ċittadini li jieħdu interess fil-kampanja milli f’pajjiżi u bliet barranin. Barra minn hekk, hawn, peress li aħna ngħixu f’post iżgħar, it-tensjoni, imqar ċkejkna, tinħas aktar.

Għada aħjar mill-bieraħ

Hu x’inhu l-wisa’ u l-fond tan-nervi li kien hawn waqt il-kampanja elettorali, issa li għadda kollox m’għandniex għalfejn ma nirritornawx, ilkoll kemm aħna, għall-kalma. Fi żmien il-kampanji, xi wħud huma skużabbli li jiħdaru għall-oppożituri u għandhom mnejn jaqbżu wkoll il-linja. Imma mhux issa, mhux wara, mhux meta għadda kollox.

Kienu x’kienu s-sentimenti tal-ġimgħat tal-kampanji elettorali li għaddew, issa ħalli jindifen kollox. Kelma żejda li tkun intqalet waqt saħna ħalli tintesa. Azzjoni ażżardata żżejjed li xi ħadd ikun ħalla taħrablu, issa ħalli jinħafer kollox u qisu qatt ma kien xejn. Fis-saħna l-firdiet donnhom jidhru aktar; issa, però, ebda firda ma tagħmel sens. Issa hu ż-żmien tal-kalma ta’ wara.

F’dan iż-żmien ta’ kalma restawrata l-ħajja trid tkompli bħalma kienet qabel. Il-problemi li għadna ma solvejniex reġgħu qegħdin ma’ wiċċna biex insibulhom tarfhom. Il-kampanji elettorali jgħaddu passata fuq kollox, u jixxejru l-għajtiet il-kbar. Imma issa li għadda kollox, xejn m’għandu jgħaddi, kollox għandu jkun quddiemna biex nibnu, ftit ftit, bħal dejjem, ħajja t’għada aħjar minn tal-bieraħ.

Demokratiza bil-frott

F’ħafna aspetti, il-kampanji elettorali huma taħriġ giddieb. Jirriduċu kollox għal ftit stampi u kelmiet li jibqgħu jintwerew b’insistenza biex jidħlulek f’moħħok. Dal-kampanji jinjoraw ħafna affarijiet; ma jitkellmu fuq ħafna affarijiet; jinsew ħafna affarijiet. Ma tlumhomx. Hekk hija n-natura tal-kampanji: intensi, sempliċissmi, repetittivi.

Imma wara li jispiċċaw il-kampanji, meta tiġi l-kalma, l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu hekk. Is-sempliċiżmu ma jibqax jgħodd. Ir-repetizzjonijiet ma jagħmlu xejn aħjar jew agħar milli jkun. Il-problemi ma jmorrux bl-għajjat. Il-kalma ta’ wara titlob reflessjonijiet kalmi għal soluzzjonijiet fit-tul.

Għall-kalma ta’ wara ma jistax ikollna nies isteriċi, iffissati bil-partiġġjaniżmu, moħħhom biex jiksbu vantaġġ politiku fuq l-oppożituri tagħhom. Għall-kalma ta’ wara jrid ikollna nies b’rashom fuq għonqhom, nies sensibbli, nies li jirraġunaw, nies li kapaċi jsejħu iswed iswed u l-abjad abjad.

Għalhekk, issa li ntemmu l-istorbji, l-aljenazzjonijiet u l-frattariji tal-kampanji, nerġgħu lkoll lura għall-kalma tar-rispett lejn xulxin, għall-kalma tal-politika raġunata, għall-kalma tal-għaqda. Hu dan li jrebbaħna lkoll. Hu dan biss li jagħmel id-demokrazija taħriġ li jħalli l-frott.


https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?