Posts

Showing posts from March, 2016

L-għażż demokratiku

Image
Il-valuri ta’ komunità demokratika ma jiġux mgħallma imma mgħajxa. Ftit li xejn f’Malta u Għawdex hawn ċittadini li tabilħaqq għexu f’demokrazija. Jekk xi ħadd għadu jaħseb li bħalissa qegħdin ngħixu f’soċjetà demokratika huwa jew diżilluż jew ma jafx x’inhi demokrazija. Aktarx, fil-fatt, għandu mit-tnejn. Din li ngħixu fiha mhijiex soċjetà demokratika. Għax, għalkemm fuq il-karta tidher hekk, fil-prattika ftit li xejn hija dak li tgħid li hi. Evidentement, hija soċjetà li tfaħħar ħafna d-demokrazija. Imma mbagħad, fl-istess waqt, hija soċjetà li temmen f’ħafna għamliet ta’ vjolenza, kemm fit-teorija u kemm fil-prattika, kemm b’mod espliċitu u kemm impliċitament. Hija soċjetà li tagħti setgħat bla qies (u bosta drabi immunabbli) lill-gvern. Hija soċjetà li tistrieħ fuq il-qawwa tal-pulizija u s-servizzi sigrieti tagħha. Hija soċjetà fejn iċ-ċittadin m’għandux setgħa effettiva, imma biss deputata u rappreżentattiva. Hija soċjetà li fiha ċ-ċittadin jinsab f’taqtiegħa għall-flus u għa

Is-soluzzjoni tal-vjolenza

Image
X’tagħmel ma’ bniedem li jisfidak? Kif iġġib ruħek ma’ persuna li tuża’ s-setgħa tagħha fuqek biex tgħaddi tagħha? Kif twieġeb lil min jumiljak? X’tagħmel quddiem bniedem li jrid ibaxxik? Dawn huma ċirkustanzi reali li jista’ jkun ġejna xi ftit jew wisq wiċċ imb’wiċċ magħhom. Huma waqtiet li jheżżu l-fehmiet u t-twemmin tagħna dwar x’inqisu bħala tajjeb u xieraq quddiem il-vjolenza. Iqegħulna quddiemna mistoqsijiet qawwija: Kif inwieġbu għall-vjolenza? Kif għandna nġibu ruħna quddiemha? X’inhi s-soluzzjoni tal-vjolenza? Essenzjalment, il-vjolenza hija l-użu tal-forza fuq ħaddieħor jew fuq xi ħaġa. L-iskop ewlieni u aħħari tagħha huwa li ġġiegħel lil xi ħadd jew xi ħaġa jagħmel jew tagħmel dak li trid int u mhux dak li jrid hu jew hi. Ovvjament, il-vjolenza tiddispensa minn kull kunsens. Fuq kollox, tiddispensa mir-raġuni. Il-vjolenza tista’ tkun ta’ bosta għamliet (żgur mhux biss fiżika). Xi wħud jemmnu li l-użu tal-vjolenza hu xi kultant ġustifikat, imqar f’sitwazzjonijiet rari

‘Qed ninftiehem?’

Image
Jista’ jkun li l-mistoqsija ‘Qed ninftiehem?’ mhijiex komuni ħafna. Il-biċċa l-kbira jidhirli li ma jużawhiex. Għallanqas jien bil-kemm qatt nismagħha tingħad. Minflok nisma’ mistoqsijiet oħra li, naħseb jien, m’għandhomx isiru, mistoqsijiet bħal ‘Qed tifhimni?’ jew ‘Fhimt?’ Jew ‘Qed tifhem?’ Tagħmel tajjeb persuna li, waqt li tkun qed titħaddet ma’ xi ħadd, minflok dawn il-mistoqsijiet, tagħmel il-mistoqsija li qiegħed nipproponi. Rispett lejn l-intelliġenza Waqt li jkunu qegħdin jitkellmu miegħek, ħafna nies għandhom id-drawwa li jistaqsuk: ‘Fhimt?’, ‘Qed tifhem?’ jew ‘Qed tifhimni?’ Xi wħud huma dilettanti ħafna ta’ dawn il-mistoqsijiet u spiss, spiss ħafna, spiss wisq, waqt li jkunu qed jitħaddtu jitfgħulek xi waħda minnhom, jekk mhux it-tnejn li huma, ma’ wiċċek. ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ ‘Qed tifhimni?’ Dawn huma mistoqsijiet insolenti, anki jekk min jagħmilhom ma jkollux dik l-intenzjoni. Meta wieħed jitaqsik intix qed tifhem jew fhimtux (jew fhimthiex), qisu qiegħed jgħidl

Reġgħet is-siegħa tal-Libja?

Image
L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea donnhom reġgħu qegħdin iħejju għal attakki militari ġodda fil-Libja. Fil-bidu ta’ din is-sena, uffiċjali għoli tal-militari Britannika wieġeb lil ġurnalista tad-Daily Telegraph li l-affarijiet jidhru mexjin fid-direzzjoni ta’ attakk ieħor mill-ajru fuq il-Libja, din id-darba bl-iskuża li jridu jikkumbattu s-sellieta tal-Istat Iżlamiku. Attakk imminenti? Xahar ilu, in-New York Times ħabbret li t-titjiriet ta’ sorvelja min-NATO żdiedu bil-qabda. Sadattant, żdiedu wkoll missjonijiet sigriet ta’ stħarriġ fuq l-art. Filwaqt li n-NATO għandha mas-6,000 suldat lest għat-taqbid fil-Libja, qegħdin isiru laqgħat mal-gvernijiet tal-Magreb biex iħajruhom jissieħbu f’koalizzjoni oħra ta’ azzjoni militari. Wara l-attakki tal-2011, li fihom kien tneħħa mill-poter u nqatel Gaddafi, il-Libja qatt ma ħadet ir-ruħ. Dan kien l-iskop tal-Punent, wara kollox: li l-Libya tkun post politikament destabbilizzat u suxxettibbli għall-isfruttament. Iżda l-Punent ma jaċċett