Posts

Showing posts from May, 2020

Id-dimensjoni tar-rispett

Image
F’dinja fejn ilkoll kemm aħna niġu mħeġġin naqdfu u nirnexxu, valur bħal dak tal-imħabba jiġi limitat għal ċirkli personali biss. Min-naħa l-oħra, valur bħar-rispett jikseb dimensjonijiet aktar wiesa’ u universali. Fi kliem ieħor, tista’ ma tħossokx komdu jew komda tgħid li tħobb lil ħaddieħor, imma li tirrispettahom iva. Fejn hemm nuqqas t’imħabba għall-anqas għandu jsaltan ir-rispett. Dak li jiswa għalina Nitkellmu fuq valuri meta rridu nirreferu għal affarijiet li għandhom xi siwi għalina. Il-valur hu kemm jiswew l-affarijiet, in-nies, l-azzjonijiet jew is-sentimenti għalina. Dik li spiss tissejjaħ il-lista tal-valuri hija l-iskala li għandna f’moħħna u f’qalbna ta’ x’jiswa aktar jew anqas għalina personalment u bħala soċjetà. Is-soċjetà li aħna ngħixu fiha llum, imdakkra ħafna mill-għajxien tan-nies ta’ barra, l-aktar fl-Ewropa u l-Amerika, żiedet is-siwi li aħna nagħtu lil affarijiet li jorbtu mal-individwalità tagħna. Il-jeddijiet tagħna personali b’mod ġenerali, ngħidu a

L-illużjoni tal-kontroll

Image
Waħda mill-affarijiet li wrietna dil-imxija hija li ftit għandna kontroll fuq bosta affarijiet. L-imxija tikkmanda hi. Warajha tiġi xi oħra. Imma dejjem nibqgħu nemmnu li l-kontroll hu f’idejna; li aħna nikkontrollaw l-affarijiet. Din l-illużjoni ngħixu biha tant b’kunfidenza li saħansitra ssir delużjoni. Mingħajr kontroll Il-kontroll fuq ħajjitna huwa wieħed mill-aktar affarijiet għeżież li għandna. Mill-kontroll tiġi s-sigurtà, u mingħajr sigurtà ma jista’ qatt ikollna l-paċi jew l-hena. Aħna nkunu kuntenti u hienja meta nafu li għandna kontroll ta’ ħajjitna. Hekk biss inħossuna żguri minna nfusna u protetti mill-ħafna perikli li jista’ jkun hemm madwarna. Għalina l-kontroll ifisser li mmexxu ħajjitna kif u ’l fejn inħossu li hu l-aħjar; li nħarsu fuq uliedna bl-aqwa mod possibbli; li nippjanaw il-familja, il-ħidma, l-impjieg, il-mistrieħ u l-ġejjieni tagħna; li naraw li l-aktar l-affarijiet li nżommu b’għeżież ikunu taħt il-ħarsien, il-gwida u r-rieda tagħna. Is-soċjetà ta

Is-sabiħa libertà

Image
Mill-ftit libertà li kulħadd tilef waqt l-imxija tal-Coronavirus ma tridx wisq għerf biex tintebaħ kemm kulħadd japprezza l-libertà. Ħadd ma jieħu gost jitlifha. Bniedem jista’ jkollu kollox, imma jekk ma’ kollox ma jkollux il-libertà, qisu m’għandu xejn, għax xejn ma jgawdi. Min ma jridx li titteħidlu l-libertà, lanqas m’għandu jeħodha lil ħaddieħor jew jifraħ meta ħaddieħor jitlifha. L-immaġinazzjoni Dan qed ngħidu għax issib ħafna nies li dak li jiddejqu bih għalihom infushom, ma jiddejqux jagħmluh lil ħaddieħor. Din hi kontradizzjoni li jgħaddu minnha ħafna. Jien jidhirli li, jekk ma tħobbx li xi ħadd jagħmillek xi ħaġa, ma narax għala għandek tagħmilha lil ħaddieħor. Li ma tħobbx int, bosta drabi lanqas lil ħaddieħor ma jgħoġob. Il-problema f’dan kollu li bosta minna ma jużawx l-immaġinazzjoni biex jifhmu xi ftit ħaddieħor kif jista’ jħossu. Jekk timmaġina ftit kif tkun INT fl-esperjenza li jgħaddi ħaddieħor minnha, malajr tista’ tintebaħ kif aktarx iħossu ħaddieħor. Bl-im

Ideoloġija żero

Image
Jidhirli li għadda biżżejjed żmien biex jinbeda stħarriġ kemxejn fid-dettall tal-kampanja elettorali għall-mexxej tal-Partit Laburista li kellna tul Diċembru u Jannar li għaddew. Hemm bosta aspetti li wieħed jista’ jistħarreġ f’kampanja bħal din. Hawnhekk se nagħżel li nitħaddet fuq fuq dwar il-kontenut tad-diskorsi li saru fuq medda ta’ madwar xahar u nofs minn Chris Fearne u Robert Abela, iż-żewġ kandidati tal-kampanja. Qabel xejn Qabel xejn, għandi ngħid tliet affarijiet preliminari. L-ewwel nett, li jien personalment smajt id-diskorsi kollha taż-żewġ kandidati. Jekk ma smajthomx direttament mill-ewwel fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, smajthom irrekordjati. Imma għamilt punt li nismagħhom kollha. It-tieni, ngħid ukoll li teknikament il-kontenut tad-diskorsi taż-żewġ kandidati ma kienx ivarja wisq. Għalhekk, ma nħossx li għandi għalfejn nofroq bejn id-diskorsi tal-wieħed u d-diskorsi tal-ieħor. Mil-lat tekniku, jiġifieri mill-proċedura sistematika tal-ideat, id-diskorsi taż-

Proponimenti post-viru

Image
Waqt li s-saħna tal-kornuviru tidher qed tnaqqas, moħħ kulħadd donnu diġà dar biex jaħseb fil-“post”, jiġifieri fiż-żmien ta’ wara l-imxija. Dan hu naturali wara tant ġimgħat irtirati. Għaldaqstant, bħalissa hu ż-żmien li fih jitfaqqsu l-proponimenti. Kollox ixebba’ Ma’ kulmin tiltaqa’, ukoll jekk huma tassew ftit, issib lil min jgħidlek, “Meta jispiċċa dal-kornuviru nagħmel hekk ...”, “Meta tieqaf dil-imxija nagħmel l-oħra ...” jew “L-ewwel ħaġa li nagħmel meta kollox jerġa’ jiġi għan-normal hija ...” In-nies xebgħet ġewwa. Ma tagħtihiex tort. Ukoll it-tfal bla skola ddejjqu, aħseb u ara l-kbar, u xejn anqas l-anzjani. “Kemm se ddum taqra!” jgħidulek. “Kemm se ndum insajjar?” “Kemm se ndum innaddaf fejn ġa naddaft!” “Kemm se ddum tara t-televiżjoni!” B’kollox jixba’ l-bniedem meta jagħmlu kontra qalbu. Għall-ewwel xi wħud ħadu pjaċir joqogħdu d-dar b’ħafna ħin ħieles fuq idejhom. Imma mbagħad, malli bdew igerrbu l-jiem u l-ġimgħat, ukoll dan-naqra pjaċir sar toqol li bil-kem