Is-sabiħa libertà

Mill-ftit libertà li kulħadd tilef waqt l-imxija tal-Coronavirus ma tridx wisq għerf biex tintebaħ kemm kulħadd japprezza l-libertà. Ħadd ma jieħu gost jitlifha. Bniedem jista’ jkollu kollox, imma jekk ma’ kollox ma jkollux il-libertà, qisu m’għandu xejn, għax xejn ma jgawdi. Min ma jridx li titteħidlu l-libertà, lanqas m’għandu jeħodha lil ħaddieħor jew jifraħ meta ħaddieħor jitlifha.

L-immaġinazzjoni

Dan qed ngħidu għax issib ħafna nies li dak li jiddejqu bih għalihom infushom, ma jiddejqux jagħmluh lil ħaddieħor. Din hi kontradizzjoni li jgħaddu minnha ħafna. Jien jidhirli li, jekk ma tħobbx li xi ħadd jagħmillek xi ħaġa, ma narax għala għandek tagħmilha lil ħaddieħor. Li ma tħobbx int, bosta drabi lanqas lil ħaddieħor ma jgħoġob.

Il-problema f’dan kollu li bosta minna ma jużawx l-immaġinazzjoni biex jifhmu xi ftit ħaddieħor kif jista’ jħossu. Jekk timmaġina ftit kif tkun INT fl-esperjenza li jgħaddi ħaddieħor minnha, malajr tista’ tintebaħ kif aktarx iħossu ħaddieħor. Bl-immaġinazzjoni tista’ tifhem xi jdejqu jew xi jnikktu.

Però, ħafna nies dan ma jagħmluhx. Jafu xi jdejjaq lilhom u ma jistgħux jimmaġinaw, jew ma jridux, x’jista’ jdejjaq lil ħaddieħor. Il-libertà hi waħda biss mill-affarijiet li l-bnedmin kollha jiddejqu jitilfuha. Mela m’huwiex diffiċli li timmaġina x’jgħaddi minnu ħaddieħor meta jitlifha.

Ħtija ta’ ħaddieħor

F’dawn il-ġimgħat li għaddew meta ħafna ddejqu għax tilfu ftit mil-libertà li kellhom, jista’ jkun li ftit ħasbu f’min seta’ tilef il-libertà b’mod permanenti. Mhux biss għall-priġunieri qed nirreferi, imma wkoll għal kulmin, minħabba xi raġuni jew oħra, forsi anki ta’ mard, spiċċa tilef il-libertà tiegħu.

Il-ftit libertà li tlifna aħna minħabba l-virus jista’ jagħmilha solidali ma’ dawk in-nies kollha, f’pajjiżna jew madwar id-dinja, li libertà m’għandhomx. Mill-ftit li tifna aħna, nistgħu nimmaġinaw il-ħafna li tilfu huma. Mill-ftit li tnikkitna aħna, nistgħu nimmaġinaw il-ħafna niket tagħhom.

Il-libertà li aħna tlifna, tlifniha mhux minn rajna, imma għax fil-fors. Din hi l-agħar għamla li bniedem jista’ jitef xi ħaġa. Mhux għax ikun ħtija tiegħu, imma għax ikun ħtija ta’ xi ħaġa oħra. B’hekk in-niket ikun akbar. Ħafna nies fid-dinja tilfu l-libertà tagħhom minħabba ċirkustanzi li huma ma kellhomx kontroll fuqhom. Issa taf x’jistgħu qed iħossu.

Nitgħallmu s-sabiħ

Dal-virus li għadu magħna, u ċertament b’mod aqwa f’inħawi oħra tad-dinja, għad jgħaddi. Il-ħasra hi li aktarx ninsewh. Għax fi żmien it-tajjeb tista’ tgħid li dejjem jintesa żmien il-ħażin. X’jiġri b’daqshekk? Jiġri li l-ftit solidarjetà li nħossu bħalissa għal nies li, ngħidu aħna, tilfu l-libertà, wara ftit taż-żmien ninsewhom qishom qatt ma kienu.

Is-solidarjetà li kapaċi nħossu bħalissa m’għandniex inħalluha tgħaddi mar-riħ jew tintesa. Jekk il-libertà tagħna nerġgħu niksbuh dalwaqt, ħaddieħor dik il-libertà għandu mnejn jibqa’ mingħajrha. Jekk għalina jiġi żmien aħjar, jista’ jkun li għal ħaddieħor żmien il-hemm ma jgħaddix.

Nagħmlu ħażin, jidhirli jien, jekk dal-ftit żmien ta’ tbatija mingħajr libertà sħiħa li minnu għaddejjin ma nħalluhx jgħallimna xi tagħlima li tagħmilna aħjar. X’hemm isbaħ, ngħid jien, li nitgħallmu aktar inkunu solidali ma’ ħaddieħor, kemm dawk fil-qrib u kemm dawk il-bogħod.

Kull ħaġa fil-ħajja tista’ tgħallimna, u dal-virus mhux anqas. Nitgħallmu jekk irridu; jekk naraw li għad fadlilna fejn nikbru u nisbieħu f’ruħna. Jalla daż-żmien ikreh jgħallimna s-sabiħ.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?