Posts

Showing posts from March, 2014

Il-mixja lejn il-Ħelsien

Image
Il-ktieb li l-Prim Ministru ħareġ uffiċjlament għall-pubbliku t-Tnejn li għadda, Il-Ħelsien: Il-mixja lejn il-31 ta’ Marzu tal-1979 (miktub minn Mark Camilleri u ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti) għoġobni u m’għoġobnix fl-istess ħin. Filwaqt li jipproponi mogħdijiet ġodda ta’ interpretazzjoni (u jġib il-provi għalihom), ma jidhirx li jagħraf oħrajn (li provi aktarx hemm diġà). Mogħdijiet ġodda Ħa nibda bil-mogħdijiet ġodda li jidher li qed jipproponi. L-ewwel nett, is-sehem kruċjali ta’ ċerta klassi tas-soċjetà fit-taqtigħat li ġew iġġenerati fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. L-awtur isejħilha il-‘klassi tal-ħaddiema’ mingħajr ma jgħid eżattament (bħalma jagħmel fi ktieb ieħor tiegħu, From Colonialism to Mntoffianism , tal-2013) minn min hi magħmula jew fiex tikkonsisti. Donnu jidentifikaha biss mal-ħaddiema tat-Tarzna. Hu x’inhu, l-awtur juri li s-sehem ta’ din il-klassi fil-kisba tal-Ħelsien kien ħafna akbar milli s’issa ġie rikonoxxut. It-tieni, il-ktieb juri b’mod ċ

Bla serduq jisbaħ

Image
Qatt smajtha din iċ-ċajta? ‘Is-serduq għala jagħlaq għajnejh meta jidden?’ Tweġiba: ‘Għax jafha bl-amment.’ Jafhiex bl-amment jew le ma nafx. Li naf hu li fih grazzja daqskemm jidden bil-qalb. Donnu jemmen li x-xemx l-għajjat tiegħu tkun qed tistenna biex titla’. Qatt innutajt kif jintefaħ biex jidden? Qisu kburi bil-ħsejjes li jagħmel u mimli bis-sehem (indispensabbli) tiegħu għall-bidu ta’ jum ġdid. Għajjat imġerraħ Ħafna nies mhumiex aħjar minnu. Għall-anqas donnhom huma wkoll jemmnu li mingħajrhom id-dinja se tieqaf iddur jew mingħajr it-tlablib tagħhom se naqgħu lkoll fil-muta. Iħobbu wisq jisimgħu leħenhom stess u qishom jaħsbu li, imut papa, mhux żgur insibu ieħor floku. Jagħmluha tal-umli (la x-xitan irid hekk), imma s-sodisfazzjoni li jieħdu mill-ħsejjes li jagħmlu tarah bħal miktub fuq kull pulzier ta’ wiċċhom. Nies li jemmnu li dak li jgħidu u jagħmlu hu meħtieġ għandhom spiritwalità immatura. Moħħhom biex jgħinu lil ħaddieħor bla ma qatt jintebħu li kulma jridu hu b

Il-kisba tas-subkulturi (2)

Image
Jissokta minn Parti 1 Is-subkulturi huma l-aqwa tama għall-bidla soċjali, politika u ekonomika. Huma tabilħaqq ir-‘rivoluzzjoni siekta’ li sseħħ mingħajr ħoss. Sempliċi fl-għaġna tagħhom, huma ta’ qawwa invinċibbli. Huma jikbru, jitkattru u jitferrxu bil-mod, minn persuna għal oħra. Ma jużawx kliem; jikkonvinċu bl-aġir. Bil-kwiet u fiż-żgur, bil-persistenza tal-prattika, jimminaw il-kultura predominanti tal-kotra maġġoritarja li tinjurahom, u jibdluha mill-qiegħ. Is-saħħa tas-subkuluri Kultura predominanti żżomm it-twemmin, l-interessi, il-valuri, id-drawwiet jew l-stili ta’ ħajja tagħha bi tfassil ta’ strutturi soċjali, politiċi u ekonomiċi xierqa għalihom. L-amministraturi uffiċjali ta’ dawn l-istrutturi jinkuraġġixxu kemm jista’ jkun il-ħarsien tal-elementi ‘tradizzjonali’ li jsostnu l-kultura tagħhom. Il-kliem huma l-aqwa arma tagħhom biex jikkonvinċu. Iżda l-kliem m’għandu ebda effett fuq subkultura. Din tkun waqfet tagħti widen. Tkun waqfet saħansitra tisma’. Il-kliem k

Il-kisba tas-subkulturi (1)

Image
B’mod frekwenti żżejjed, dan l-aħħar spiss smajna lil min iperreċ l-idjozija li xi politiċi qegħdin jagħmlu ‘rivoluzzjoni siekta’. Ir-rivoluzzjonijiet siekta tabilħaqq iseħħu. Iżda mhux mill-politiċi. Lanqas isiru minn ħadd li huwa parti mill-kultura predominanti jew il-kultura prevalenti. Isiru minn min hu stess lanqas biss ikun jaf li qed jagħmel rivoluzzjoni. Ir-rivoluzzjonijiet siekta jsiru mis-subkulturi. Xi tfisser ‘subkultura’? It-terminu ‘subkultura’ huwa wieħed użat fis-soċjoloġija u fl-istudji kulturali. Jidher li l-kunċett kien ħareġ bih is-soċjologu, avukat u edukatur Amerikan David Riesman (1909–2002) fil-ktieb tiegħu tal-1950, Il-Ġemgħa Mtarrfa (The Lonely Crowd). Għalkemm fil-ktieb ma jużax it-terminu espressament, Riesman ifisser il-kunċett tiegħu (imsejjaħ ‘xeħta band’oħra’; other-directed) bħala ‘sostitut għall-morali u d-drawwiet tal-moda’ (paġna 23). Xi wħud jippreferu ma jużawx il-kelma ‘subkultura’ minħabba li l-prefiss ‘sub-’ jista’ jimplika ċerta inferjo

Riforma taċ-ċivil

Image
Qabel kull elezzjoni nisimgħu b’imwiegħda riforma fiċ-ċivil, u bosta minna konvinti mill-ħtieġa tagħha. Għalkemm diversi gvernijiet tħajru sew li jieħdu dan l-impenn, jidher li ftit irnexxielhom jaslu fil-bogħod jew fil-qiegħ. Iċ-ċivil kien u għadu fi ħtieġa ta’ riforma qawwija. Imma ma jidhirx li hemm xi prospettivi jistennew sabiex dan iseħħ. Iċ-ċittadin l-ewwel Bl-għajta tal-gvern il-ġdid li jqiegħed lill-individwu għal darba oħra fiċ-ċentru tal-amministrazzjoni governattiva, it-tama xegħlet li ċ-ċittadin ma jibqax aktar mifni minn burokrazija soffokanti u eżasperanti. Waħda mill-wegħdiet elettorali kienet li l-burokrazija kellha tiġi mnaqqsa drastikament u l-proċess amministrattivi tal-gvern magħmula aktar faċli għal kull ċittadin. Minkejja dan, għadna ma smajna xejn dwar l-intenzjonijiet tal-gvern ta’ kif il-burokrazija se tinqalgħalha rasha jew għall-anqas tiġi ffaċilitata b’mod kosiderevoli. Iċ-ċittadin għadu sal-lum fuq ix-xfar ta’ sistema li donnha saret tgħix għaliha