Posts

Showing posts from February, 2020

Il-jien u l-aħna

Image
Illum kollox donnu sar jiffoka fuq il-‘jien’. Is-siwi tal-‘aħna’ qisu ntemm jew intilef. Il-‘jien’ isus fuq l-individwu. L-‘aħna’ fuq il-kollettiv. Qabel jidher li kien hemm tisħiq biss fuq l-‘aħna’. Issa, minn estrem morna għal ieħor: it-tisħiq huwa kollu kemm hu fuq il-‘jien’. Is-sabiħ tal-ħajja umana, aktarx, la hija l-jien biss u lanqas l-aħna biss; hija t-tnejn flimkien b’qima ta’ xulxin. Il-‘aħna’ Dari l-individwi kienu jiġu ssagrifikati għall-kollettiv. Il-kollettiv, jiġifieri s-soċjetà, il-familja, ir-raħal, il-knisja u kull għaqda oħra li tiġbor il-bnedmin, kien abbużat. Dan għax il-kollettiv kien jitqies qisu kien xi ħaġa assoluta, xi ħaġa li kull individwu jeħtieġ li joqgħod għalih. Kull individwalità kienet mistennija li tisparixxi u tieħu postha mal-kollettiv. Kien il-kollettiv li jagħti l-identità lil kull individwu. Għalhekk, ebda individwu ma kellu l-jedd li jeżisti għalih innifsu jew għalih waħdu. Kulħadd kellu sehemu u postu, kulħadd kellu l-identità tiegħu, f

Il-ħsara taċ-ċapċip

Image
Il-populiżmu llum jikkundannah kulħadd. Dak li ma jikkundannax kulħadd, anzi ħadd, huwa ċ-ċapċip li jagħmel possibbli, mhux biss il-populiżmu, imma kull tip ta’ politika. Iċ-ċapċip hu approvazzjoni. Għalhekk hu wkoll il-ħolqien u ż-żamma ta’ dak li japprova. Il-politiċi jgħixu fuq dan. Mhux biss, imma wkoll jagħmlu kapital minnu. Il-politika taċ-ċapċip Il-populiżmu hu għamla waħda biss ta’ dik li nistgħu nsejħu l-‘politika taċ-ċapċip’. Din l-għamla llum taparsi jikkundannaha min iċ-ċapċip, fil-biċċa l-kbira tiegħu, ma jkunx mar favurih. Min jagħmel dan, jiġifieri min jgħaġġel biex jikkundanna l-populiżmu, ma jintebaħx li dan jikseb is-saħħa tiegħu mhux mill-argumenti ikkumplikati ta’ politiċi sofistikati, imma mis-sentimenti tan-nies li jivvutaw b’qalbhom. Dan għandu s-siwi tiegħu wkoll. Imma min jikkundanna l-populużmu jinsa li kull politika, hi liema hi, tissejjes fuq iċ-ċapċip. Aktar ma politika hi irrazzjonali, aktar trid ċapċip. Aktar ma l-poplu jitħalla ’l barra mill-ammi

Ħabel wieħed

Image
Il-mument storiku preżenti jitlob li kulmin irid il-ġid lil art twelidu jrid jiġbed ħabel wieħed fid-direzzjoni mogħtija mit-tmexxija governattiva tiegħu. Dan ifisser ilġim fuq l-inklinazzjonijiet individwali, trażżin ta’ paroli fil-vojt u impenn biex ikun hemm front wieħed magħqud. Normali Ħafna għadhom ma jistgħux jirrikonċiljaw irwieħhom ma’ dak li ġara ftit ilu fil-Partit Laburista. Għadhom għaddejjin minn medded ta’ żmien li fihom daqqa jħossuhom imgħaddba, daqqa mgħollija, daqqa ma jridux jemmnu u daqqa donnhom jibdew jifhmu xi ħaġa. Dan huma proċessi normali għal nies li s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħhom ikun għaddew minn trawma li heżżithom. Bħal ħafna oħrajn bħalhom f’sitwazzjonijiet differenti jew simili, dan-nies iħossu li l-passività tagħhom quddiem ġrajjiet li ma kellhomx kontroll fuqhom, weġġgħethom, ħasdithom u ġerħithom. Dal-ġerħat bil-mod biex ifiequ. il-fejqan ma jiġix mgħejjun meta l-moħħ jibqa’ ma jistax jifhem u meta l-qalb tibqa’ titweġġa’. Bniedem

Libja tal-biki

Image
Il-gwerra ċivili fil-Libja, mibdija mill-Amerikani ħames snin ilu, fl-2014, mat-tneħħija ta’ Ghaddafi, diġà ħadet magħha mal-10,000 ruħ. Il-komunità internazzjonali, filwaqt li taparsi trid twaqqaf il-ġlied, araha trewwaħ il-fjammi ħalli l-pajjiż jibqa’ għarkobbtejh u hi tibqa’ tixxaħħaħ minn fuq żejtu. Rieda m’hemmx Dan deher mill-aktar ċar fl-aħħar ġimgħa jew ftit aktar. Il-ġimgħa li għaddiet, il-kapijiet ta’ madwar tużżana pajjiżi ltaqgħu f’Berlin biex jinnegozjaw twaqqif mill-ġlied. Hekk għamlu u ċenċlu t-tazzi tax-xampanja. Imma tmien t’ijiem biss wara, dawk l-istess pajjiżi reġgħu wasslu l-armi tan-nar lill-Libjani, u l-ġlied issokta. B’id waħda, il-komunità internazzjonali xxejjer il-werqa żebbuġa, filwaqt li bl-oħra titfa’ l-pitlorju fuq in-nar ħalli jħeġġeġ aktar. Waqt li l-Libjani qed jitqatlu bejniethom, il-komunità internazzjonali qed tagħmel festa max-xitan minn fuq daharhom. Ir-rieda għall-paċi m’hemmx. Hemm biss ir-rieda li, minn dal-konflikk, il-pajjiżi l-kbar