Ħabel wieħed

Il-mument storiku preżenti jitlob li kulmin irid il-ġid lil art twelidu jrid jiġbed ħabel wieħed fid-direzzjoni mogħtija mit-tmexxija governattiva tiegħu. Dan ifisser ilġim fuq l-inklinazzjonijiet individwali, trażżin ta’ paroli fil-vojt u impenn biex ikun hemm front wieħed magħqud.

Normali

Ħafna għadhom ma jistgħux jirrikonċiljaw irwieħhom ma’ dak li ġara ftit ilu fil-Partit Laburista. Għadhom għaddejjin minn medded ta’ żmien li fihom daqqa jħossuhom imgħaddba, daqqa mgħollija, daqqa ma jridux jemmnu u daqqa donnhom jibdew jifhmu xi ħaġa.

Dan huma proċessi normali għal nies li s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħhom ikun għaddew minn trawma li heżżithom. Bħal ħafna oħrajn bħalhom f’sitwazzjonijiet differenti jew simili, dan-nies iħossu li l-passività tagħhom quddiem ġrajjiet li ma kellhomx kontroll fuqhom, weġġgħethom, ħasdithom u ġerħithom.

Dal-ġerħat bil-mod biex ifiequ. il-fejqan ma jiġix mgħejjun meta l-moħħ jibqa’ ma jistax jifhem u meta l-qalb tibqa’ titweġġa’. Bniedem irid jistabar ħafna bih innifsu waqt li l-ġerħat tiegħu jfiequ u ma jibqgħux idemmgħu. Imma sakemm jasal dak il-waqt, li ż-żmien jista’ jġibu, il-bniedem jgħaddi minn tbatija li ħafna drabi tħallih sfinit.

Żball

Għalkemm dan kollu huwa perfettament normali, ir-reazzjonijiet li nagħmlu għalih mhumiex daqshekk. Dan għaliex kull bniedem jirreaġixxi b’modi differenti minn ħaddieħor. Bosta drabi, kull bniedem lanqas konsistenti miegħu nnifsu ma jkun. Dan jiġri għax inkunu għaddejjin minn taqlib mentali u affettiv li jkunu lil hinn mill-kontroll tagħna.

Meta wieħed jew waħda jkunu hekk, iridu joqogħdu b’seba’ għajnejn li ma jiħdux deċiżjonijiet mgħaġġla, jew jgħidu kliem addoċċ, li mbagħad jiddispjaċihom talli jkunu għamlu hekk. Meta bniedem ikun imħawwad, m’għandux jieħu deċiżjonijiet ta’ ċerta serjetà jew gravità. Il-moħħ ma jkunx qed jirraġuna sew u, għalhekk, id-deċiżjonijiet tagħna f’waqtiet bħal dawn ikun żbaljati.

L-agħar żball huwa li nħallu l-emozzjonijiet imqanqla tagħna jġorruna magħhom. Bniedem imweġġa’ aħjar joqgħod pass lura. Mhux għax bil-fors ma jkollux raġun. Jista’ jkollu. Imma għax demmu jġiegħlu jgħaġġel, jesaġera jew forsi wkoll jeqliel iżżejjed.

Għaqal

F’dal-waqt, meta bdejna l-esperjenza ta’ gvern bi tmexxija ġdida magħżula mill-partit, kulħadd irid ifittex li jsib saqajh. Min hu mweġġa’, irid joqgħod ħafna attent li ma jħallix id-diżappunt tiegħu jittradih. Min mhuwiex imweġġa’, irid joqgħod ħafna attent ukoll li ma jaħsibx li laħaq is-sema b’idejh.

Dan hu żmien il-kalma. Hu żmien fejn ilkoll naraw kif nistgħu niġbdu ħabel wieħed f’direzzjoni waħda. M’għandux ikun żmien ta’ ħafna sparpaljar ta’ enerġiji. Anzi, għandu jkun żmien fejn l-enerġiji ta’ ħafna jiġu ffukati b’mod produttiv u effiċjenti.

Dan jieħu ż-żmien. Ma jistax isir f’temp ta’ ftit ġimgħat, forsi lanqas xhur. Żgur li jitlob impenn deċiż minn kulħadd biex ħadd ma jħossu li sar xi biċċa żejda fil-qafas kollu tal-organizzazzjoni. Jekk se mmexxu ’l quddiem, kif nittama li se nagħmlu, allura jrid ikollna lil kulħadd magħna; lil kulmin iħoss li għandu jkun parti minn dan il-moviment.

Dan mhuwiex żmien faċli. Hu wkoll żmien delikat ħafna. Kulħadd, speċjalment dawk li r-responsabbiltà hija l-akbar, irid jara li l-emozzjonijiet li għadhom sensittivi jiġu ttratti bid-delikatezza. Jekk ilkoll nimxu bil-għaqal, m’għandux għalfejn daż-żmien ma jkunilniex ta’ ġid.

Għaqal, għalhekk, u ħabel wieħed.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?