Posts

Showing posts from October, 2020

Lura għal-laburiżmu konservattiv?

Image
Il-liġi tal-ugwaljanza li tinsab pendenti quddiem il-parlament aktarx għadha pendenti proprju minħabba t-temerità ta’ xi whud li jmexxu ’l quddiem agenda li ma togħġobx lill-konservattivi u jibżgħu li jaqilgħu l-kritika fuqha. Dan hu laburiżmu ġdid li qed naraw? Huwa l-laburizmu konservattiv li jirrovina kull aġenda xellugija? Dal-gvern m’għandux mandat elettorali bħala għandu biex joqgħod jibża’. Ħolqa ta’ kuraġġ Tnejn mill-abbozzi li jinsabu mweħħlin fil-kuruduri tal-parlament huma tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza u tal-Liġi dwar it-Twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. It-tnejn huma t’importanza kapitali għad-drittijiet ċivili u politiċi ta’ biċċa kbira minna; jekk mhux għalina direttament, ċertament għal ħaddieħor. Dal-gvern għandu l-obbligu li jmexxi daż-żewħ abbozzi ’l quddiem u jgħaddihom b’liġi kemm minħabba li qed ikompli l-mandat li ngħata Joseph Muscat fl-2017 kif ukoll għax huwa laburista bi storja ta’ mitt sena kuraġġ u riskji. Dal-gvern mhuwi

Il-ħarsien tal-ħaddiem

Image
Il-100 sena li għalaq imwaqqaf il-Partit Laburista Malti dil-ġimgħa, nhar il-Ħamis li għadda, ifakkarna mhux biss fil-ħarsien tal-ħaddiem fl-imgħoddi imma wkoll f’li ġej. Il-ħaddiem dejjem se jsib lil min jipprova jisfruttah. Għalhekk dejjem se jkollu lil min iħarsu, lilu u lill-familja tiegħu. Jalla fil-Gżejjer Maltin dan jibqa’ jagħmlu dejjem il-Partit Laburista. Ħaddiema lkoll L-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Partit Laburista mhuwiex anniversarju ċelebratorju biss. Mhuwiex qiegħed biex joqgħod ifakkar l-imgħoddi, wisq anqas biex jigglorifikah. Hu ċentinarju li, jekk xejn, jurina li l-hemm li għad għandu llum il-ħaddiem fil-Gżejjer Maltin għalxejn għaddew das-snin kollha, għax għadu bihom. Dan għaliex l-imgħoddi jirrepeti ruħu jekk ma nitgħallmux minnu. Il-ħaddiem fil-Gżejjer Maltin hu llum differenti ħafna minn dak ta’ mitt sena ilu. Imma bosta mill-problemi tiegħu għandhom l-istess għeruq. Jekk xejn, għandhom mill-istess sfruttament li kien hemm fl-imgħoddi imma b’wiċċ ieħo

Malta art ta’ paċi

Image
Il-ftehimijiet li bihom pajjiż sovran jaċċetta fi ħdanu l-preżenza militari ta’ pajjiż sovran ieħor jissejjaħ “Status of Forces Agreement”, fil-qosor SOFA. F’taħdidiet li kellu dan l-aħħar il-gvern Laburista attwali ma’ rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika, għalkemm ma wasalx li jagħmel ftehim bħal dan, jidher li ’l hemm miexi. Ħaġa waħda hi żgura: ħażin għalih il-politiku li jerġa’ jġib il-militari barranin fostna. Raddiena B’xejn m’għandu wieħed jistagħġeb mill-politiċi, u la tal-lemin u la tax-xellug u lanqas tan-nofs. Jekk il-politika hi l-arti tal-isfruttament tal-opportunitajiet, allura l-politiċi huma l-akbar sfruttaturi u opportunisti. Dan ma ngħidux b’disprezz. Ngħidu bħala osservazzjoni ta’ stat ta’ fatt li qatt ma jiġi nieqes matul is-snin. Mill-1979 ’il hawn, meta telaq minn artna l-aħħar suldat barrani, kemm-il darba l-għorrief prim ministri tagħna lagħbu mad-deċiżjoni kostituzzjonali li pajjiżna jaħdem “ attivament [ għall- ] paċi, is-siġurtà u l-progress so

Tfajla fuq bankina

Image
Ftit tal-ġimgħat ilu nstabet tajla fuq bankina l-Belt. Kienet mejta. L-ewwel ħaddiema jlebtu fi sbiħ Alla ma kellhom dehra sabiħa x’tilqagħha fil-bidu ta’ jum li wiegħed li jkun bħal tas-soltu. Ma tantx kienu laħqu nġabru ħafna nies, għax ħafna lanqas biss kienu għadhom qamu, meta waslu l-pulizija. Wara ftit, f’anqas minn siegħa, waslet il-karozza s-sewda u għabbew fiha t-tfajla. Jintesew Ftit nies kienu jafu x’jisimha. Oħrajn, malli għaddew jum, jumejn, insewha. Jiem wara mewtha sarilha l-funeral ta’ malajr. Ħlief il-ftit qraba, u anqas minnhom imnikkta, ma kienx hemm li talbu għaliha. Aktarx ma damux huma wkoll biex iwarrbuha minn moħħhom u jkomplu b’ħajjithom. F’għeluq il-ġimgħa, biex ma ntawwalx, dit-tfajla qisha qatt ma kienet. Jekk xi ħadd ġih f’moħħu li darba, ftit tal-ġimgħat ilu, kien hemm tfajla mejtu fuq bankina l-Belt, kienet mingħajr isem, mingħajr wiċċ, mingħajr identità. Qisu ma miet ħadd. Qisu m’għex ħadd. Ħafna, mhux ftit, tfajliet jintemmu bħal dit-tfajla. Ħaf