Tfajla fuq bankina


Ftit tal-ġimgħat ilu nstabet tajla fuq bankina l-Belt. Kienet mejta. L-ewwel ħaddiema jlebtu fi sbiħ Alla ma kellhom dehra sabiħa x’tilqagħha fil-bidu ta’ jum li wiegħed li jkun bħal tas-soltu. Ma tantx kienu laħqu nġabru ħafna nies, għax ħafna lanqas biss kienu għadhom qamu, meta waslu l-pulizija. Wara ftit, f’anqas minn siegħa, waslet il-karozza s-sewda u għabbew fiha t-tfajla.

Jintesew

Ftit nies kienu jafu x’jisimha. Oħrajn, malli għaddew jum, jumejn, insewha. Jiem wara mewtha sarilha l-funeral ta’ malajr. Ħlief il-ftit qraba, u anqas minnhom imnikkta, ma kienx hemm li talbu għaliha. Aktarx ma damux huma wkoll biex iwarrbuha minn moħħhom u jkomplu b’ħajjithom.

F’għeluq il-ġimgħa, biex ma ntawwalx, dit-tfajla qisha qatt ma kienet. Jekk xi ħadd ġih f’moħħu li darba, ftit tal-ġimgħat ilu, kien hemm tfajla mejtu fuq bankina l-Belt, kienet mingħajr isem, mingħajr wiċċ, mingħajr identità. Qisu ma miet ħadd. Qisu m’għex ħadd.

Ħafna, mhux ftit, tfajliet jintemmu bħal dit-tfajla. Ħafna ġuvintur ukoll. Jew bħalha bid-drogi. Jew b’xi mod ieħor. L-għaġeb mhux kif telqu, imma kif kienu hawn. Aktar minn hekk, kif jintesew bħal sħaba fost l-oħrajn, mingħajr ma jnikktu ’l ħadd u mingħajr ebda demgħa.

Tnikkitt

Lil dit-tfajla fuq bankina, però, irrid hawnhekk infakkarha. Ġieli rajtek sejra lejn l-isptar San Luqa kmieni filgħodu u anki sellimna mingħajr qatt m’ażżardajna nitkellmu. Għall-anqas tbissimna ftit lil xulxin. Ma kontx naf li ġejt nieqsa. Qaluli mhux wisq wara ⸻ bħalma jirrakkuntaw aħbar ta’ kafkaf.

Tnikkitt għax, jien ukoll, mhux biss ismek ma nafx, imma lanqas wiċċek ma’ nista’ niftakar. Qisek qatt ma kellek personalità jew identità ta’ xi ħadd speċjali u mgħożża. Għidli, xi storja hi din tiegħek li tefgħetek f’dan il-għali? Minn liema kalvarju għaddejt sakemm issallabt fuq dik il-bankina?

Bħalek mijiet u eluf, o tfajla mbierka; bħalek mijiet u eluf jiġu fix-xejn mingħajr ma jċaqilqu werqa meta jitilqu. Imma int u dal-mijiet u l-eluf m’intomx xejn. Qatt ma kontu xejn. Intom sbieħ daqs kulħadd. Kontu u għadkom. Xejn, xejn anqas minn ħaddieħor. Sbieħ, prezzjużi, speċjali. Jekk qatt ħadd ma qalulkom dan, ngħidulkom jien.

Ma kontx

Għal ħafna nies, l-aktar dawk bla ħniena, ġieli jaraw lil ħaddieħor bħala żejjed, l-aktar jekk ma jkun qed jagħmel xejn biex ir-rota ddur. Jistgħu saħansitra jgħidu li mingħajr daż-żejda aħjar. Għalihom donnu s-siwi waħdieni tal-bniedem huwa li jħaddem u jżid mal-ġid tad-dinja. Il-ġid, għalihom, huwa l-qies ta’ kull tjieba. Imma x’ġid hu? Ħafna drabi jifhmu b’ġid dak li hu materjali biss. Mill-bqija xejn ma jgħodd.

Hawn ġid ieħor, u saħansitra aqwa, mill-ġid materjali. Hawn ġid li lanqas biss tista’ tkejlu jew tistmah jekk mhux għalih innifsu. “X’ġid hu dan?” jgħidulek dan-nies. Huwa l-ħniena, inweġibhom, l-imħabba, ir-rispett. Mhumiex, jaqaw, ġid dawn? U kif! Huma prezzjużi aktar minn kull ġid ieħor.

Kemm-il darba dal-ġid ninsewh jew nistmawh anqas minn kull ġid ieħor materjali! Kemm-il darba nitilfu għaqilna wara dan l-aħħar ġid u ninsew inħennu, inħobbu u nirrispettaw! Dawn għandna nfittxu l-ewwel mingħajr ma ninsew l-ieħor.

Għax jiena ċert, tfajla sabiħa, li kienu kien tabilħaqq dal-ġid li m’hemmx prezzju - il-ħniena, l-imħabba u l-rispett - int ma kontx tintemm fuq bankina qalila.

Insellimlek, tfajla sabiħa, insellimlek tassew minn qalbi.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?