Posts

Showing posts from May, 2013

Imħabba akbar minn din

Image
Huwa ta’ min jammirahom dawk in-nies li jinkwetaw u xi minn daqqiet jissieltu għal kawżi li mhumiex tagħhom . Tifhimha li bniedem jinkwieta, jissielet u jiddefendi xi ħaġa li tmissu mill-qrib. Imma li bniedem jagħmel dan għal xi ħaġa li ma jkollhiex x’taqsam miegħu direttament hi tal-għaġeb. Jekk tal-ewwel tista’ tissejjaħ imħabba, kemm aktar tat-tieni. Anzi, nistgħu ngħidu li m’hemmx imħabba akbar minn din. Imħabba miskina Ġesù fil-vanġelu jingħad li jgħid: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Possibbli!? Naħseb li tkun akbar l-imħabba jekk wieħed jagħti ħajtu għal dawk li ma jkunux ħbieb tiegħu. U aktar kbira minn hekk tkun l-imħabba jekk wieħed jagħti ħajtu għall-għedewwa tiegħu. Ma taħsibx? Allura għala Ġesù jidher li qiegħed isemmi lill-ħbieb biss? Il-kliem Grieg fil-vanġelu għal ‘ħbiebu’ huwa ‘ton filon autou’ , jiġifieri litteralment dawk li ‘(għandhom) il-ħbiberija tiegħu’. Dan ma jeskludix la lill-għedewwa u lanqas mi

Miġnun b'moħħu floku (II)

Image
Mill-ħarġa ta' qabel Il-ħajja ta’ Don Lorenzo Milani (1923–1967)—li bħal għada ġimgħa, fis-27 ta’ Mejju, niċċelebraw id-90 sena mit-twelid tiegħu—hi ġawhra ta’ tnebbiħ. Mhux biss mil-lat tal-filosofija edukattiva, imma wkoll mil-lat uman (u spiritwali, jekk trid). Għalkemm dan il-qassis ftit hu magħruf fostna, il-mod kif wieġeb għall-isfidi tal-ħajja jista’ jixħet dawl siewi fuq l-għażliet tagħna llum. Għaldaqstant, f’dawn il-ftit kelmiet xtaqt nislet ftit minn dawn it-tweġibiet tiegħu. Għażla konxja Don Lorenzo kien ġie ‘eżiljat’ mill-isqof tiegħu fir-raħal insinfikanti ta’ Barbiana fl-1954 meta kellu 31 sena. Kien ilu biss seba’ snin li ħa l-quddiesa, u f’Barbiana kellu jagħmel 13-il sena, jiġifieri sa tmiem ħajtu. Il-fama ta’ qassis miġnun u mhux ortodoss kien ħadha fil-parroċċa fejn kien qabel, f’Calenzano, jassisti lill-kappillan Don Daniele Pugi. Dan kien fetaħ ‘skola popolari’ għal tfal Kattoliċi u mhux. L-’eżilju’ kisbu malli miet Pugi. Bħalma wieħed jistenna, me

Miġnun b’moħħu floku (I)

Image
L-1968 baqgħet imsemmija għall-irvellijiet li saru f’diversi partijiet tad-dinja. Bdew fl-Amerka ta’ Fuq fis-sena ta’ qabel, marbuta l-aktar mal-moviment tad-drittijiet ċivili tas-suwed, imbagħad kibru mal-qtil ta’ Che Guevara f’Ottubru tal-1967 u l-intensifikazzjoni tal-gwerra fil-Vjetnam, u splodew bis-sħiħ mal-qtil ta’ Martin Luther King f’April tal-1968 u ta’ Robert Kennedy f’Ġunju. F’dik is-sena kien hemm irvellijiet, ħafna drabi vjolenti, fil-Messiku, il-Brażil, Spanja, il-Polonja, iċ-Ċekoslovakkja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq, Franza, l-Arġentina, il-Ġamajka u f’bosta mkejjen oħra tad-dinja. Studenti universitarji, gruppi minoritarji, għaqdiet politiċi u unjins ta’ ħaddiema tnebbħu minn xulxin biex donnhom jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq. Ktejjeb revoluzzjonarju Fl-Italja, b’mod partikulari, fost l-okkupazzjoni ta’ diversi universitajiet f’Milan, Ruma u bliet oħra, xi ħadd ġih f’rasu li, mal-ħafna kitbiet imħeġġa li xxerrdu, iqassam ukoll

Ir-responsabbiltà fiskali

Image
Ma hi ħaġa ġdida xejn għal ħadd li jisma’ li nies fis-servizz ċivil berbqu (u forsi għadhom) flus addoċċ jew anki kappriċċożament ħolqu ħtiġijiet li belgħu għaxriet u mijiet ta’ eluf ta’ ewros, jekk mhux ukoll miljuni, mill-kaxxa ta’ Malta. Kulħadd jaf jagħmel l-arja bi flus ħaddieħor. Iżda l-agħar hu li għal dan it-tinfiq donnu ma hemm qatt ħadd responsabbli direttament, u dwaru jsiru ġustifikazzjonijiet li jgħaddu minn fuq ras kulħadd. Għaqal Jiena nixtieq inkun persważ li waħda mill-barrin il-kbar li l-gvern il-ġdid irid jaqbad minn qrunu—malajr u drastikament—hija l-pjaga tar-responsabbiltà fiskali, kif ukoll l-etika uffiċjali li tikkontrollaha u l-prattika li teżisti dwarha. Ilkoll nafu fl-attitudni tal- ‘money no problem’ li faqqret lil Malta u li wikkietha bi djun li prattikament sar kważi insolubbli. Dan sar b’mod irresponsabbli minn nies fil-gvern li donnhom qiesu flus Malta—flus tiegħi u tiegħek—bħala propretà privata tagħhom li setgħu jiddisponu minnu kif issuġġerie