Posts

Showing posts from February, 2013

Żmien l-innoċenza

Image
Jien nistqarr miegħek li għalija l-kampanja elettorali tista’ ma ssir xejn. Għax ma nisma’ lil ħadd. Televiżjoni (aktar u aktar stazzjonijiet Maltin) ma nara qatt; radju ma nisma’ qatt; u bħalissa, gazzetti ma narax. Minkejja dan, ma tistax ma taqbadx kelma minn hawn u kelma minn hemm. Għax sew fuq tal-linja, sew titkellem man-nies, sew fuq facebook, u sew fuq twitter, politika tiela’ u politika nieżla’. Donnhom in-nies m’għandhomx fiex jaħsbu għajr fuq hekk. Sofistikazzjoni kerha Għalhekk, mingħajr ma rrid, ikolli nsir naf x’inhu għaddej, x’qal dan u x’qal l-ieħor. Nistqarr li l-impressjoni li ħadt s’issa, ukoll minn dawn it-tentufiet, mhijiex tajba. Kif stennejt, għal waħda twila wisq u wisq, il-kampanja ġmielha qiegħda tiddeġenera. Iżda mhux biss. Ninnota wkoll li s-sofistikazzjoni tat-tgħajjir, il-kumplessità tat-tmaqdir, il-makakkerija tal-akkużi, il-finezza tad-denunzjazzjonijiet, u l-kattiverja tal-insinwazzjonijiet qegħdin jilħqu livelli ta’ baxxezza li jbeżżgħuk. Jek

Il-Parowl: Bewsa ta’ Ġuda

Image
Waħda mill-wegħdiet elettorali li l-aktar kienu jinteressawni fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2008 kienet dik tal-Parowl. Sħabi u jien, flimkien mal-priġunieri, il-familji tagħhom u bosta kollaboraturi, konna ħdimna ħafna sabiex nippromovuha, u konna ferm kuntenti li l-wegħda elettorali ġiet magħmula. Emminna ħafna fit-twettiq tagħha. Illum, ħames snin wara, u lejlet elezzjoni ġenerali oħra, ikollna nammettu li l-wegħda kienet biss bewsa ta’ Ġuda. Wegħda elettorali Biex inkun eżatt, il-wegħda kienet li l-gvern idaħħal is-sistema tal-Parowl fil-leġislatura li jmiss (2008–13). Din kienet iswed fuq l-abjad fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-gvern. Iddaħħlet wara li, f’laqgħa semi-pubblika ftit qabel l-elezzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-PN, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien għamilha bil-fomm u ta l-assigurazzjonijiet tiegħu għat-twettiq tagħha. Il-Parowl hija sistema li biha priġunier jiġi rilaxxat mill-ħabs fuq kundizzjonijiet speċifiċi bil-patt li jekk

It-tafal merħi tas-superfiċjalità

Image
Meta ngħidu li xi ħadd huwa superfiċjali, inkunu rridu nfissru li mhuwiex kapaċi, ma jridx jew ma jaqbillux jara l-implikazzjonijiet jew il-kawżi ta’ dak li jkun qiegħed jikkunsidra. La jara l-ħaġa minfejn ġiet u lanqas fejn ikun sejjer biha. Għalkemm jaħseb li qiegħed fis-sod, il-bniedem superfiċjali jimxi fuq art taflija li għada jew pitgħada tintreħa taħtu u ċċedi minn taħt saqajh. Għala s-superfiċjalità? Il-kelma ‘superfiċjalità’ ġejja minn żewġ termini Latini: ‘super’ , li tfisser ‘fuq’ jew ‘’il fuq minn’, u ‘facies’ , li tfisser ‘wiċċ’ jew ‘qoxra’. Għaldaqstant, il-kelma ‘superfiċjalità’ tfisser ’il fuq mill-wiċċ jew fuq il-qoxra ta’ xi ħaġa. Hija kelma li tindika li l-bniedem hu frivoluż jew m’għandu ebda profondità ta’ ħsieb. Il-bniedem superfiċjali hu dejjem wieħed li għandu viżjoni dejqa, restritta, limitata; viżjoni tipika tat-tfal. Jista’ jkun hemm tliet raġunijiet ewlenin għala bniedem jaħseb, jitkellem jew jaġixxi b’mod superfiċjali. L-ewwel nett, jista’ sempliċim

Il-patoloġija tal-partitiżmu

Image
Kull kampanja elettorali f’sistema politika bħal tagħna hija xalata ta’ partitiżmu. Huma kemm huma inklużivi l-programmi elettorali tal-partit politiċi kollha, ma jistgħux jevitaw il-partitiżmu. Kull partitiżmu, politiku daqskemm reliġjuż, huwa separatista, u ma jistax ma joħloqx l-inugwaljanza u n-nuqqas ta’ rispett tal-individwu. Stat patoloġiku Nitkellmu dwar patoloġija kulmeta għandna devjazzjoni minn kundizzjoni li hi b’saħħitha, ordnata u/jew effiċjenti. Il-partitiżmu hu patoloġiku għax la hu b’saħħtu, la ordna u wisq anqas effiċjenti. Mhuwiex b’saħħtu, iżda marid, għax jifred is-soċjetà, inassas in-nies kontra xulxin u joħloq kategoriji artifiċjali li jitqiesu wieħed aħjar mill-ieħor. Il-partitiżmu mhuwiex ordnat, iżda diżordnat, għax il-familja umana hi waħda u l-bnedmin huwa ugwali għal xulxin, jekk mhux fil-ħiliet u s-snajja, għall-anqas fid-dinjità. Mhuwiex effiċjenti, iżda ineffiċjenti, għax jagħżel bejn in-nies fuq pretesti foloz, jiżvantaġġja lil xi wħud u mhux li