Ir-riga tal-maturità
Ir-riga hija xi ħaġa li biha tkejjel l-affarijiet. Il-maturità tal-persuni, għal ħafna hekk diffiċli biex tkejjilha sew u bl-eżattezza, jidhirli li għandha r-riga tagħha tagħha wkoll. Hija riga li ma tidhirx li tfalli. Hija riga li turi kemm, minkejja l-apparenzi kollha, inklużi dawk tal-età u l-kompetenza, il-maturità ta’ persuna hija żviluppata b’mod xieraq. Din ir-riga hija s-sens ta’ gratitudni. Nuqqas ta’ apprezzament Il-gratitudni hija kelma li tiġi mill-ilsien Latin ‘gratus’, li tfisser hena jew ħajr. Jidher li mis-seklu 15 ’il hawn din il-kelma, ‘gratitudni’, bdiet tintuża biex tesprimi l-apprezzament li xi ħadd ikollu ta’ xi ħaġa li tkun ingħatatlu u li jaf li setgħet ma ngħatatlux. Il-gratitudni hija wkoll għamla ta’ dejn li jitħallas ta’ xi ħaġa li xi ħadd ikun qala’. Dik li nsejħulha ‘ingratitudni’, bil-prefiss ‘in-’ fuq quddiem hija l-kontra tal-gratitudni. Din il-kelma, ‘ingratitudni’, nużawha biex nuru l-attitudni ta’ xi ħadd li ma jurix apprezzament ta’ dak li j...