Ir-riga tal-maturità

Ir-riga hija xi ħaġa li biha tkejjel l-affarijiet. Il-maturità tal-persuni, għal ħafna hekk diffiċli biex tkejjilha sew u bl-eżattezza, jidhirli li għandha r-riga tagħha tagħha wkoll. Hija riga li ma tidhirx li tfalli. Hija riga li turi kemm, minkejja l-apparenzi kollha, inklużi dawk tal-età u l-kompetenza, il-maturità ta’ persuna hija żviluppata b’mod xieraq. Din ir-riga hija s-sens ta’ gratitudni.

Nuqqas ta’ apprezzament

Il-gratitudni hija kelma li tiġi mill-ilsien Latin ‘gratus’, li tfisser hena jew ħajr. Jidher li mis-seklu 15 ’il hawn din il-kelma, ‘gratitudni’, bdiet tintuża biex tesprimi l-apprezzament li xi ħadd ikollu ta’ xi ħaġa li tkun ingħatatlu u li jaf li setgħet ma ngħatatlux. Il-gratitudni hija wkoll għamla ta’ dejn li jitħallas ta’ xi ħaġa li xi ħadd ikun qala’.

Dik li nsejħulha ‘ingratitudni’, bil-prefiss ‘in-’ fuq quddiem hija l-kontra tal-gratitudni. Din il-kelma, ‘ingratitudni’, nużawha biex nuru l-attitudni ta’ xi ħadd li ma jurix apprezzament ta’ dak li jkun ingħatalu jew iħoss li kellu jedd għal dak li jkun irċieva.

L-aktar li nistgħu nosservaw din l-attitudni hija fit-tfal, li donnhom idumu daqsxejn ma jiżviluppaw is-sens tal-gratitudni. Infatti, it-tfal iż-żgħar spiss issibhom ma jafux jgħidu ‘grazzi’ jew, jekk jgħiduha, la jħossuha u lanqas ikunu jafu xi tfisser. Meta t-tfal jiġu edukati biżżejjed jibdew jitgħallmu jgħidu ‘grazzi’ b’rikonoxximent ta’ dak li ħaddieħor jagħmel magħhom.

Kollox mogħti

Hawn nies li dan ma jitgħallmuh qatt. Minkejja li jikbru u minkejja li jitgħallmu ħafna affarijiet u jilħqu f’ħafna postijiet, jibqgħu difettużi fis-sens ta’ gratitudni tagħhom. Din mhijiex biss sinjal ta’ nuqqas ta’ etikett. Aktar minn hekk, hija aktar sinjal ta’ egoċentriżmu. Dan ifisser li aktarx iqisu lilhom infushom iċ-ċentru tad-dinja u, ma’ dan, għandhom nuqqas ta’ sensittività lejn is-sentimenti ta’ ħaddieħor.

Aktar minn hekk, in-nuqqas ta’ gratitudni (jew l-ingratitudni) għandha mnejn turi li persuna mhijiex konxja biżżejjed tas-sehem li ħaddieħor għandu f’dak kollu li l-persuna għandha jew li tirċievi. Mhijiex konxja biżżejjed għax m’għandhiex ħila tapprezza sewwa li dak kollu li għandna―u nisħaq fuq il-‘kollu’―ġej mingħand ħaddieħor.

Infatti, aħna m’aħna xejn mingħajr is-soċjetà (magħmula minn ħaddieħor). La l-fiżiku tagħna, la l-livell ta’ ħajja li ngħixu, la dak li nafu u lanqas l-istess ħsibijiet u fehmiet li għandna ma jkunu jeżistu li ma kienx għal ħaddieħor.

L-attitudni tat-tfulija

Kollox irċevejna mingħand ħaddieħor u kollox nibqgħu nirċievu mingħand ħaddieħor. Hija minn dan it-twemmin li jitnissel fina l-gratitudni, jiġifieri dak l-apprezzament li dak li għandna u li aħna bħala persuni ingħata lilna u seta’ ma ġie mogħti xejn. Minn hawn ukoll jiġi li nħossuna midjuna, biex ngħid hekk, għal dak li qlajna.

Min jaħseb li għandu xi jedd assolut għal xi ħaġa li għandu, imqar l-iċken ħaġa, jew iqis li ħaddieħor kellu jew għandu xi obligu jagħtih dak li għandu huwa bniedem li qed jgħix f’dinja fantastika. Huwa bniedem li għad għandu l-attitudni tat-tfulija, li tassumi li kollox qed jasal s’għandha mingħajr is-sehem ta’ ħadd u xejn.

Huwa għalhekk li l-gratitudni hija r-riga tal-maturità. Aktar ma bniedem jagħraf kemm affarijiet mhumiex tiegħu b’xi jedd u aktar ma jagħraf kemm affarijiet għandu mingħand ħaddieħor li setgħu ma ngħatawlu xejn, aktar juri li kiber fid-dehen, l-esperjenza, ir-responsabbilta u s-sensittività.

Tgħallem għid ‘grazzi’ dejjem.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?