In-nasba tal-kompetittività
Il-kelma ‘kompetizzjoni’ saret qisha l-eqdes kelma ta’ żmienna. Aktar minn kelma. Saret qisha l-isem ta’ xi bibbja ġdida li ħadd ma jista’ jmeriha jew jitħasseb fuqha. Kollox sar qisu jsir f’isimha. Weħedha weħedha, il-kelma saret qisha ġustifikazzjoni ta’ kulm’ għandu jsir u li ’l barra minnha jew mingħajrha hemm biss il-baħħ u t-telfien. Faqar Tabilħaqq, għax il-kompetittività hija l-egħżeż valur tas-suq ħieles. Għal dan, kulma jkabbar il-kompetittività huwa tajjeb; kulma jnaqqasha jew itellifha hija ħażina. Kulħadd qisu f’tellieqa waħda b’opportunitajiet indaqs. Kulħadd jingħata l-istess għajnuniet għal raġuni waħda: biex itellaq ma’ ħaddieħor. Hija hija l-gidba kbira tan-neoliberaliżmu li qed ngħixu llum. Ibda’ biex, li l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd ifissru ġustizzja, bħallikieku aħna lkoll l-istess u għandna l-istess ħtiġijiet jew l-istess ħiliet u snajja’. Il-ħrafa tal-opportunitajiet indaqs tħalli liż-żgħir jaqa’ lura u lill-kbir ilebbet ’il quddiem. F’suq ħiel...