Il-martri l-ġodda

L-ambjentalisti aktarx huma llum l-aktar persuni fid-dinja politikament konxji tagħhom infushom. L-ambjent sar il-lok fejn l-oppressjoni umana u dinjija tal-lum qed tidher l-aktar; il-fruntiera fejn qed jiġu l-aktar wiċċ imb’wiċċ l-oppressjur u l-oppressat; il-fus li fuqu aktarx qed iddur l-aktar ir-rota tal-isfruttament li qed joħloq is-suq ħieles globalizzat. L-ambjentalisti saru l-martri l-ġodda ta’ din l-era umana.

L-isfreġju tas-suq ħieles

Is-suq ħieles globalizzat, bil-filosofija neoliberali tiegħu—li ma hu xejn jekk mhux paraventu għall-isfruttament—għamilha dejjem aktar diffiċli li n-nies, individwalment u kollettivament, ikunu konxji tal-qagħda politika li fiha jinsabu tabilħaqq. Mogħmija bl-illużjoni ta’ libertà u l-manija tal-konsum, bil-gidba tad-demokrazija u l-ħrafa tal-vot, mingħalihom li huma ħaġa meta fir-realtà huma oħra.

Fir-realtà huma skjavi ġodda ta’ sidien anonimi qawwija daqskemm wikkiela, rgħiba u ħattafa li, waqt li jidħqu bil-biċċa l-kbira minna, ġabuna għaġina f’idejhom. It-tir tagħhom hija s-setgħa; setgħa fuq kollox u fuq kulħadd; setgħa għall-manipulazzjoni u l-isfruttament; setgħa li ġġiegħel kollox joqgħod għal-leblieba, il-kilba, il-lefliefa tagħhom għall-flus.

L-aqwa rebħa tan-neoliberaliżmu hu li lilna lkoll li ħakem fuqna kkonvinċiena li aħna dak li m’aħniex; li aħna ħielsa meta fir-realtà mjassra; li ngħixu f’demokrazija meta fir-realtà ngħix f’totalitariżmu; li rajna f’idejna meta fir-realtà nitmexxew minn imneħirna; li d-dinja miexja fuq ir-rubini meta fir-realtà sar minnha sfreġju sħiħ.

Ambjentalisti maqtula

Huma l-ambjentalisti li llum huma fost l-aktar nies konxji ta’ din ir-realtà u tal-post politiku tagħhom fiha. L-ambjentalisti li jaraw f’għajnejhom u jmissu b’idejhom il-ħsara kontinwa fuq skala terrifikanti li qed issir lill-ambjent naturali kullimkien fid-dinja. B’saqajhom fl-art u bi ħsiebhom indawwal, huma l-intellettwali li d-dinja għandha bżonn. Il-kotba tagħhom jinkitbu bid-demm fuq paġni ta’ ġilda umana.

Fosthom jinsabu l-martri l-ġodda ta’ żmienna. Skont ir-rapport li l-organizzazzjoni dinjija Global Witness, ibbażata f’Londra, ħaġet ġimgħa ilu, ‘Id-Difensuri tad-Dinja’, mal-200 ambjentalisti nqatlu s-sena l-oħra biss, madwar 10% aktar milli nqatlu fl-2015. Skont l-istess rapport, issa l-qtil tal-ambjentalisti qed isir f’ħafna aktar pajjiżi minn qabel, b’firxa ta’ 24 pajjiż fl-2016, tmieja aktar mill-2015.

Global Witness għandha tagħrif fuq 1,000 assassinji mill-2010 ’l hawn, għalkemm dan hu rendikont konservattiv minħabba li ħafna mwiet ma jiġux irrappurtati. L-imwiet issoktaw dis-sena, l-2017, u l-intimidazzjonijiet, l-attakki, l-istagmatizzar, is-sorveljanza u l-arresti tal-ambjentalisti baqgħu jsiru mingħajr qtugħ fid-dinja kollha. Il-gvernijiet jew ma jagħmlux biżżejjed jew huma saħsansitra kompliċi.

Id-demm iċarċar

Carlos Maaz Coc, ta’ 27 sena, inqatel fis-27 ta’ Mejju li għadda mill-pulizija (ara r-ritratt) ġo El Estor, fil-Gwatemala, fl-Amerika Ċentrali. Kien sajjied. Flimkien m’oħrajn kien qed jieħu sehem fi protesta paċifika kontra l-mina tan-nikil Fenix. Bis-susanzi mniġġsa u valenużi li din qed tixħet fl-għadira kbira ta’ Iżabal, qed toqtol kull ħaġa ħajja fl-għadira u lin-nies bil-ġuħ.

L-agħar industriji fuq l-art li qed jeqirdu l-ambjent huma tal-mini u ż-żejt, il-qtugħ tas-siġar u l-foresti, l-agrikummerċ, il-kaċċa illeġali tal-annimali, il-bini tad-djiegi, u t-tniġġis tal-ilma. Skont ir-rapport tal-Global Witness, 40% tal-ambjentalisti maqtula fl-2016 kienu indiġeni, u 60% kienu mill-Amerika Latina. L-aktar assassinji saru fl-Indja, il-Filippini, il-Kolumbja u, l-agħar, il-Brażil.

Il-leħen tal-ġustizzja kontra l-isfruttament tas-suq neoliberali ħieles globalizzat illum bil-kemm kemm jinstema’. Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja dinjija, bl-eċċezzjoni ta’ xi Papa Franġisku, immutaw jew idoqqu d-diska tal-isfruttaturi u r-rikkieba. Taħt ġildna l-kankru qed jagħmel festa, u ħafna minna sirna vittmi kuntenti.

Sadattant, il-martri l-ġodda juruna min għandna nkunu.

__________________

Għal aktar tagħrif: www.globalwitness.org



http://markmontebello.blogspot.com.mt/p/ebook.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?