Posts

Showing posts from January, 2014

Għawdex u lil hawn minnu

Image
Ix-xogħol li sar f’Għawdex minn amministrazzjonijiet governattivi imgħoddija fis-snin li għaddew u x-xogħol li qiegħed isir mill-amministrazzjoni governattiva kurrenti donnu dejjem jitlaq mill-premessa li l-gżira Għawdxija għandha dejjem tibqa’ tiddependi minn Malta. Jidhirli li ma jistax isir progress u żvilupp xieraq biżżejjed jekk ma jerġax jibda jitħaddem il-kunċett li kien jeżisti fl-imgħoddi―saħansitra qabel ma kien hemm xi Ministeru għal Għawdex―li l-gżira tkun awto-suffiċjenti. Xogħol u saħħa Qabel xejn, dan ifisser li jinħoloq xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess. Ma ninsewx li din hi waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Programm Elettorali tal-gvern attwali għal Għawdex. Imma s’issa ma jidhirlix li smajt wisq fuq dan. Kulħadd jaf li għosfru l-biċċa l-kbira tal-fabbriki li kien jħaddmu lill-Għawdxin fl-imgħoddi. Li jerġa’ jkun hemm f’Għawdex possibbiltajiet simili jidher li għandha tkun prijorità ewlenija. Naturalment, il-lista ta’ ħtiġijiet ma tiqafx hawn. Ngħidu aħna, l-

Il-Filosofija f’Malta

Image
Il-ġimgħa li għaddiet, sħabi u jien nedejna sit ġdid elettroniku dwar il-filosofija f’Malta: www.philosophysharing.org . Is-sit huwa dak uffiċjali tal-fondazzjoni Philosophy Sharing , li waqqafna fl-2012. It-tnedija tas-sit huwa parti minn sforz kollettiv li qiegħed isir sabiex ikollna f’Malta għaqda li tistħarreġ b’mod serju u dixxiplinat dak li qed jiġri madwarna. Miri soċjali Il-fondazzjoni hija ġdida wisq sabiex tiftaħar li waslet f’xi quċċata ta’ servizzi li tista’ toffri. Qatt qabel ma kienet teżisti għaqda bħal din f’pajjiżna, u d-diffikultajiet sabiex tiġi fuq saqajha sew ma jonqsux u mhumiex ħfief. Il-bidu sar. Iżda l-bidu hu ’l bogħod ħafna mit-tmiem. L-iskop tal-fondazzjoni jiġi mit-twemmin ta’ sħabi u tiegħi li l-filosofija tista’ tkun relevanti għas-soċjetà daqskemm siewja għall-persuni. It-taħriġ dixxiplinat tal-ħsieb huwa essenzjali u mingħajru ma jistax ikun hemm filosofija. Iżda jiena nemmen li dan waħdu mhuwiex biżżejjed. Il-filosofija mhijiex sempliċiment xi

Ħajr lil Aleks

Image
Din hi l-aħħar ħarġa li Aleks Farrugia qiegħed jieħu ħsieb bħala editur ta’ din il-gazzetta. Minn hawnhekk nixtieq nistieden lilek tissieħeb miegħi sabiex insellmulu u nirringrazzjawh tas-servizz li ta f’dan l-uffiċċju. Bidla editorjali Forsi għalik li jinbidel l-editur mhijiex xi ħaġa kbira wisq. It- Torċa ilha toħroġ bl-Ingliż sa mill-1944 u bil-Malti sa mill-1959, ... u se tibqa’ toħroġ. Miet papa u jagħmlu ieħor, jgħidu; u hekk hu tassew. Għalija, waħda mill-espressjonijiet l-aktar għal qalbi hija din: ‘Mingħajr serduk jisbaħ’. Għax, fil-fatt, għall-grazzja t’Alla, ħadd ma hu indispensabbli; jien l-ewwel wieħed. Jien ili nikteb regolarment fit- Torċa sa mill-1993. Ħdimt taħt żewġ edituri: Alfred Briffa u Aleks Farrugia. Għal kittieba bħali li joffru dan is-servizz, min ikun editur mhijiex ħaġa ta’ bla importanza. Miegħu jew magħha trid toħloq relazzjoni tajba ta’ xogħol li jgħin il-proċess tal-kitba. Tul dawn is-snin, kemm Alfred u kemm Aleks, aktar ħadu paċenzja bija mil

Sena ma’ Vassalli

Image
F’din is-sena l-ġdida, eżattament l-Erbgħa, 5 ta’ Marzu, jaħbat il-250 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli. Hija sena importanti għat-tiġdid ta’ pajjiżna u, partikularment, tal-Kostituzzjoni tagħha. Għaldaqstant, dan l-anniversarju jista’ joffri opportunità xierqa sabiex nikbru fl-ideali li ħadem għalihom Vassalli u nfittxu li nwettqu l-ħolma li mlietlu qalbu. L-egħref fost il-Maltin Mikiel Anton Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu tal-1764, 250 sena ilu. Beda l-istudji tiegħu privatament, imbagħad (billi l-familji riditu jsir qassis) studja s-Seminarju. Wara ntbagħat Ruma biex ikompli l-istudji hemmhekk. Minħabba li kien fassal f’rasu li jsir missjunarju, studja l-ilsna, fosthom dawk semitiċi. F’Ruma Vassalli ltaqa’ mal-ħsieb Illuminista (ta’ qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża) u malajr tarlu l-ħsieb li jsir qassis. Minflok, intafa’ fuq l-istudju tal-ilsna b’qawwa akbar, speċjalment tal-ilsien Malti. Lura Malta, Vassalli ssokta fl-istudju professjonali tal-ilsien Mal