Posts

Showing posts from November, 2015

Impieg xieraq

Image
Meta nitkellmu fuq impieg xieraq m’għandniex nifhmu biss li wieħed jew waħda jkunu jaħdmu f’xogħol li ma jbaxxihomx bħala bnedmin. Nifhmu wkoll li l-kundizzjonijiet li fihom dawn jidħlu f’kuntratt kummerċjali ma’ ħaddieħor għal tul ta’ żmien ikunu dennji u ġusti. Moralità minsija Tabilħaqq, jeżistu nies—u jistgħu ma jkunux ftit—li ma jarawx u ma jħossux li hemm rabta bejn li wieħed iħaddem lil ħaddieħor u l-moralità. Donnu għalihom kollox jgħodd. Imbasta ma jmorrux ħażin il-profitti tagħhom. Għaldaqstant jippruvaw jisfruttaw lil ħaddieħor u s-servizzi li jistgħu jagħtuhom mill-aħjar li jistgħu. Nies li għalihom m’hemmx rabta bejn l-impjegar ta’ ħaddieħor u l-moralità jipprovaw jiskappriċċaw il-liġi kemm jista’ jkun filwaqt li jisfruttaw id-dgħufijiet ta’ dawk li jħaddmu. Huma jafu sewwa kemm hi għalja l-ħajja (u, għalhekk, in-nies għandhom bżonn l-impjieg u l-flus) u jafu wkoll kemm is-suq hu kompetittiv. Dawn il-fatturi jqisuhom vantaġġi għalihom għax jagħmlu l-isfruttar ta’ ħ

Vjolenza ġġib vjolenza

Image
Ilkoll, xi kultant, inħobbu nilagħbuha tal-vittma. Hija attitudni li tpaxxi l-ego tagħna; b’xi mod tikkonferma l-eżistenza tagħna u tiġġustifikana fil-fehmiet li nżommu b’tant għira u kbura. Iżda ħafna drabi, ħafna aktar milli jmissna, ninsew il-vjolenza tagħna nfusna fuq ħaddieħor. Inwerżqu meta nħossuna vittmi (u bir-raġun), iżda l-vittimizzazzjoni ta’ ħaddieħor nilqgħuha b’silenzju biered, kważi bi tbissima. Il-‘mhux vittmi’ L-attakki ħorox u insensati f’Pariġi l-ġimgħa li għaddiet qajmu lil kulħadd b’ħasda krudili. L-għadu ġo nofsna, bħal serp moħbi fil-ħaxix, għolla rasu biex fakkarna kemm hi dgħajfa u impotenti s-sigurtà li niftaħru li għandna. Il-qtil tal-innoċenti, speċjalment meta jsir bi vjolenza kkalkulata, bir-raġun iġib għadab u stmerrija. Vjolenza bħal din, nipprotestaw, hija inaċċettabbli, inċivili, barbara, inumana, kundannabbli, godarda ... Mitt darba u elf. Iżda daqstant ieħor hija KULL vjolenza. Bil-bombi jew mingħajrhom. Fid-deher daqskemm fil-moħbi. Bis-sa

600 sena mill-ħruq ta’ Jan Hus

Image
Ma xtaqtx li jgħaddi dan l-anniversarju mingħajr ma nsemmi u nsellem li Jan Hus. Ridt li dan nagħmlu qabel, iżda ċ-ċirkustanzi ma ppermettewlix. Jan Hus jistħoqqlu t-tifkira ta’ kulmin iħobb is-sewwa u l-ħaqq mhux biss minħabba l-mod traġiku u intolleranti ta’ kif temm ħajtu iżda fuq kollox minħabba l-mod sabiħ ta’ kif għexha. Ħajja sabiħa Ħajja ta’ bniedem hi sabiħa meta dan jgħixha f’armonija mal-kuxjenza tiegħu. L-agħar ħaġa li jista’ jagħmel huwa dak li jagħmel kulħadd. Dan hu sinjal ċar li bniedem tilef it-triq u ma jafx fejn hu sejjer. Meta bniedem jibda jisma’ dak li jisma’ ħaddieħor, jgħid dak li jgħid ħaddieħor, iġib ruħu bħalma jġib ruħu ħaddieħor u jaħseb bħalma jaħseb ħaddieħor, nistgħu nibqgħu ċerti li ħajtu tkun tilfet is-sbuħija li seta’ jkollha, għax ruħu tkun tħammġet u ntremiet. Il-bniedem li jċedi l-ħsieb u r-rieda tiegħu lil ħaddieħor ikun qisu rikeb waħda minn dawk il-mekkaniżmi ċatti (bħalma jkun hemm fl-ajruporti) li jmexxuk mingħajr ma timxi. Jieħdok fej

L-għożża tal-‘Kantilena’

Image
Bħalissa tistagħġibx li l-ktieb jieħu ċerta prijorità. Il-Fiera tal-Ktieb (li tintemm illejla) toħloq din is-sensazzjoni fostna biex niffokaw fuqna nfusna bħala poplu li jaqra. F’din l-edizzjoni tal-Fiera huma ħafna l-kotba li jinħarġu għall-pubbliku. Jien se nkellmek dwar wieħed minnhom li jittratta l-famuża poeżija (jew għanja) ta’ Pietru Caxaru: dik li tissejjaħ il- Kantilena . X’inhi l- Kantilena ? Il-ktieb il-ġdid, imsejjaħ Pietru Caxaru u l-Kantilena Tiegħu , inkiteb u nġabar minni stess u qiegħed jiġi maħruġ minn Pubblikazzjonijiet Faraxa. Huwa ktieb maħsub bħala punt ta’ referenza għal dawk kollha li tinteressahom il- Kantilena ta’ Caxaru, iżda wkoll għal dawk kollha li jħobbu l-ilsien Malti. Ovvjament, is-suġġett ewlieni tal-ktieb hija l- Kantilena nnifisha. Din il-poeżija jew għanja bil-Malti nkitbet madwar 550 sena ilu. Infatti, hi l-eqdem evidenza miktuba li għandna tal-ilsien Malti. Il-kittieb tagħha, Pietru Caxaru (twieled għall-ħabta tal-1400 u miet fl-1485), kie

Is-seħer tal-ktieb

Image
Kull ktieb għandu lsien, xi minn daqqiet aktar minn wieħed, u kull ilsien bħal donnu mhuwiex bħal ieħor. Xi kultant ilsien jissawwar minn kliem, drabi oħra minn xbihat u waqtiet oħra mit-tnejn flimkien. Kull ktieb jitkellem u aħna nisimgħuh―għall-anqas ħafna drabi―u jgħidilna l-istejjer. Imma qabel il-ktieb hemm it-tiġrib tagħna, tiġrib li jinħadem fi ħsiebna mill-ħsus ta’ ġisimna u ruħna. Fuq fomm il-ktieb it-tiġrib isir stejjer, xi kultant bi kliem id-dehen, xi kultant bi kliem id-demm. Imbagħad il-ktieb jiskot u, hekk kif jiskot, jimbxek bis-skiet li jħalli warajh sabiex fih int tkun tista’ toħloq stejjer ġodda mit-tiġrib ta’ ħajtek. Il-ktieb hu hekk minn qaddisu: irabbi l-ġwienaħ lir-ruħ. Dan hu s-seħer li jrodd. L-ilsna tal-ktieb Sakemm bniedem ikollu miegħu ktieb ma jistax ikun waħdu. Għax il-ktieb mhuwiex biss kumpanija, imma hu wkoll bniedem ieħor li jkellmek. Spiss ikollna l-kumpanija ta’ ħaddieħor, u xi minn daqqiet ukoll ikollna nies madwarna li qegħdin ipaċpċu. Imma m