Posts

Showing posts from December, 2020

It-tifel li ħadd ma riedu

Image
Kont mort l-istitut għal ħaġa oħra. Mhux biex nara t-tfal. Għal xi qadja ta’ malajr. Ma niftakarx x’kienet. Naf li paspast f’rasi li nidħol, ngħid li kelli ngħid, nitlaq. Daqshekk. Imma kif kont qed inkellem lis-soru, ġew erba’ żrameċ jiddendlu ma’ djulha, b’wiċċ il-ħlewwa ta’ bettieħa, b’daħka daqs il-fetħa tal-port il-kbir, b’għajnejn daqs qmura ... Dobt. X’ma ddubx, ma ddubx! Imma qalbi ngħasret. Dat-tfal Alla biss jaf, u s-soru, minn xiex diġà għaddew f’ħajjithom. Għadhom lanqas biss jidhru u diġà qalgħu daqqiet ta’ ħarta biżżejjed għal għomorhom kollu. Qatt ma fhimtha din li xi ħadd jista’ jwarrab lil uliedu. Jew lil xi tifel jew tifla, ikunu min ikunu, wara kollox. Qatt ma fhimtha u nibqa’ ma nifhimhiex. “Dawn jibqgħu hawn għall-Milied, sor?” staqsejt jien biex ngħid xi ħaġa. “Ħafna minnhom imorru ma’ xi ħadd tal-familja tagħhom,” weġbitni. “Il-bqija jeħduhom xi voluntiera.” “Mela intom tistrieħu ftit, sor, eh?” żidtilha. “Mhux għal kollox,” xeħtitli. “Għala, sor? Ibe

Il-Bambin ta’ Dimech

Image
Nhar il-Ġimgħa, jum il-Milied, Manwel Dimech jagħlaq 160 mit-twelid tiegħu. Huwa twieled it-Tlieta, 25 ta’ Diċembru tal-1860. Għalhekk semmewh Manwel jew Emmanuele, kif kiteb fir-reġistru tal-magħmudija l-kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta. Ommu u missieru, Vanġiela u Karmenu, kellhom bambin f’jum il-bambin! Imma din tal-bambin Dimech ma setax għaliha. Poeżija Fi żmien Dimech kien hemm ħafna affarijiet ta’ natura reliġjuża li fuqhom kienu jikkritikawh. Imma ebda waħda minnhom ma baqgħet tissemma’ daqs dik li fiha qal li “Alla mhux bambin”, l-aktar minħabba l-użu repetut u malizzjuż li sar minnha wara. Din l-espressjoni bdiet tinftiehem eżatt bil-maqlub: li l-bambin mhux Alla! Din kienet saret kapital kbir minnha mill-għedewwa ta’ Dimech biex joskurawh mal-pubbliku. Snin wara, inħolqot ukoll il-ħrafa li madwar l-1921 San Ġorġ Preca kien beda l-purċissjonijiet bil-Bambin fil-lejl tal-Milied propju minħabba din l-espressjoni ta’ Dimech. Dil-ħrafa xandruha l-aktar

Taparsi repubblikaniżmu

Image
Għal min jiftakar, fil-jum li fih twieldet ir-repubblika tagħna sitta u erbgħin sena ilu, il-Ġimgħa, tgħidx kemm niżlet xita. Naħseb Mintoff, magħluq il-parlament, jinnegozja l-aħħar mumenti tal-kostituzzjoni l-ġdida tagħna, lanqas kien jaf x’tixriba kienu qed jieħdu dawk li nġabru barra fil-mainguard jistennew il-mument. Għalkemm ix-xita, fuq pajjiżna kienet ix-xemx; ix-xemx tar-repubblikaniżmu. Ċerimonjaliżmu biss Ix-xemx? X’xemx hi? Ir-repubblikaniżmu mhuwiex jum. Mhuwiex festa. Mhuwiex ċelebrazzjoni. Mhuwiex is-solita ċerimonji vojta li l-politiċi jħobbu jilagħbu bihom f’dal-ġranet. Ir-repubblikaniżmu mhuwiex medalji u titli. Mhuwiex kliem vojt, diskorsi u paroli sabiħ. Mhuwiex tlablib u tpaċpiċ. Ir-repubblikaniżmu hu valuri. Jekk pajjiż għandu dal-valuri allura hu repubblikan. Jekk m’għandux, mhuwiex. Il-valuri m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ ċerimonji, medalji, titli, diskorsi, paroli, tlablib, tpaċpiċ u x’naf jien. Il-valuri huma għajxien. Jew tgħixhom jew ma tgħixhomx. Jekk

Milied bla wlied

Image
Dis-sena l-Milied ma tantx se jkollu lil min jiċċelebrah bħas-soltu. Il-ħafna tradizzjonijiet u drawwiet se jibqgħu lura. Il-Coronavirus ma kienx rebaħ lill-karnival fi Frar, imma żgur li se jirbaħ lill-Milied. Dan jista’ ma jkunx bil-fors ħażin. Forsi aħjar ngħidu li dis-sena l-Milied se jkun wieħed bla wlied storbjużi milli bla ulied xejn. Distrazzjonijiet Milied hu bla wlied meta ħadd ma jiċċelebrah kif imiss. Is-soltu ma jibqgħux lura l-parties u l-festeġġjamenti u ż-żjajjar għand in-nies u r-rigali u l-ikel u x-xorb u l-bqija. Illum ħafna minn dan ma jistax isir għax bniedem ikun qed jesponi ruħu u ġismu għall-mard jittieħed. Illum ukoll rigal trid tkun taf ma xiex mess qabel ma taċċettah. Il-Milied tal-istorbji u l-isfratteriji drajnieh ilkoll. Xi wħud minna jistennewh bil-ħerqa wkoll. Ħafna drabi Milied bħal dan hu wieħed ta’ ħafna distrazzjonijiet; Milied li aktar jixbah karnivalata milli ċelebrazzjoni reliġjuża jew spiritwali. Għal bosta l-Milied hu żmien ta’ xalar, tbaħ