Milied bla wlied


Dis-sena l-Milied ma tantx se jkollu lil min jiċċelebrah bħas-soltu. Il-ħafna tradizzjonijiet u drawwiet se jibqgħu lura. Il-Coronavirus ma kienx rebaħ lill-karnival fi Frar, imma żgur li se jirbaħ lill-Milied. Dan jista’ ma jkunx bil-fors ħażin. Forsi aħjar ngħidu li dis-sena l-Milied se jkun wieħed bla wlied storbjużi milli bla ulied xejn.

Distrazzjonijiet

Milied hu bla wlied meta ħadd ma jiċċelebrah kif imiss. Is-soltu ma jibqgħux lura l-parties u l-festeġġjamenti u ż-żjajjar għand in-nies u r-rigali u l-ikel u x-xorb u l-bqija. Illum ħafna minn dan ma jistax isir għax bniedem ikun qed jesponi ruħu u ġismu għall-mard jittieħed. Illum ukoll rigal trid tkun taf ma xiex mess qabel ma taċċettah.

Il-Milied tal-istorbji u l-isfratteriji drajnieh ilkoll. Xi wħud minna jistennewh bil-ħerqa wkoll. Ħafna drabi Milied bħal dan hu wieħed ta’ ħafna distrazzjonijiet; Milied li aktar jixbah karnivalata milli ċelebrazzjoni reliġjuża jew spiritwali. Għal bosta l-Milied hu żmien ta’ xalar, tbaħrit u dissipazzjoni.

Mhux għal kulħadd, naturalment. Bosta minn dejjem u jibqgħu għal dejjem jiċċelebraw Milied li fih il-Messija jżomm il-post ċentrali tiegħu; Milied li jnebbaħ sentimenti sbieħ ta’ altruwiżmu u maħfra u rispett; Milied li jgħallem l-għożża tal-familja u l-ħbieb u l-imħabba tal-proxxmu.

Aktar kwiet

F’dal-Milied li ġej dan kollu jrid jibqa’ lura: laqgħat kemm jista’ jkun ftit li xejn; rigali li jistgħu jxerrdu l-mard jibqgħu ma jingħatawx u ma jiġux milqugħa; ġiri fi knejjes jew għal presepji jew wirjiet oħra bin-nieqes jew bix-xejn ... Kollox irid jibqa’ lura minħabba l-imxija. Dis-sena l-Milied se jibqa’ mingħajr ma jifraħ wisq b’uliedu.

Minkejja dan xorta jibqa’ Milied. Tabilħaqq, forsi Milied aktar kwiet u miġbur mis-soltu, imma xorta Milied. Anzi, jista’ jkun li Milied aħjar. Għax għall-anqas m’għandux id-distrazzjonijiet, il-ħafna ħmerijiet, tas-soltu. Għal min għandu naqra sens reliġjuż jew spiritwali tal-Milied, l-imxija tista’ se tkun qed tagħmillu pjaċir. Se ġġiegħel lill-Milied joqgħod bil-għaqal aktar mis-soltu.

Ħa niftiehmu. Milied xieraq mhuwiex bil-fors mingħajr parties u mingħajr rigali u mingħajr ġiri ’l hawn u ’l hemm, tafx. Jien nifhem b’Milied xieraq li ma jkunx biss festa egoista ta’ kemm nieħu gost jien, ta’ kemm nifraħ jien, ta’ kemm jien inkun kuntent.

Ulied veri

Għalija l-Milied hu dwar ħaddieħor. Hu dwar kemm nista’ nneħħi lili nnifsi miċ-ċentru tal-univers ta’ moħħi u qalbi, u nagħti dak il-post lil ħaddieħor, speċjalment ħaddieħor li ħadd ma jżommu b’għożża. Għalija l-Milied xieraq hu dan: li tagħmel lil ħaddieħorr iħossu speċjali.

Jekk dan ikunx magħqud ma’ ħsibijiet reliġjużi jew spiritwali ftit jagħmel differenza sostanzjali. Żgur li ħsibijiet bħal dawn jistgħu jagħtuh aktar kulur u forsi aktar profondità. Imma l-qalba ma tinbidilx. Il-Milied hu altruwiżmu; hu ħaddieħor; hu ħruġ mill-fostqa tiegħi nnifsu u moviment lejn ħaddieħor.

Għalija l-Milied dejjem ifakkarna f’dawn l-isbaħ valuri tal-umanità b’saħħitha: ir-rispett, l-għożża, il-paċi, il-ftehim, il-maħfra, il-kooperazzjoni, il-fraternità ...

Hu Milied bla wlied meta ma jkollux dawn il-valuri. Dawn huma wlied il-Milied; mhux aħna. Imxija jew mhux imxija, dawn l-ulied ma jistgħu qatt jittieħdu lill-Milied. Għalhekk, lanqas dis-sena ma l-Milied jibqa’ bla wlied, wara kollox.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?