Posts

Showing posts from April, 2017

Akkużi, ħlif u għajjat ieħor

Image
F’dawn l-aħħar ġimgħat, min minna seta’ jinjora l-akkużi li baqgħu jsiru mingħajr rażan? Rajna l-oppożizzjoni tirkeb il-karru li rikbu l-politiċi kollha sa minn qabel Ġesù Kristu, il-karru tal-akkużi ta’ korruzzjoni kontra l-gvern. Dan anki l-Laburisti għamluh fl-imgħoddi. Rajna wkoll il-gvern jaħlef li jdejh huma nodfa u li s-sewwa jirbaħ żgur. Għajjat li jtarrax Is-sewwa jirbaħ żgur? Din ġiet minn fomm il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat il-Ħadd li għadda. Konna smajnieha xi mkien ieħor din l-għajta. Min kien qalha, bħalissa? Ah, kienet il-famuża għajta ta’ Fenech Adami meta fl-aqwa tiegħu ħadha kontra l-aktar Prim Ministru onest li qatt kellha Malti, Dr Karmenu Mifsud Bonnici. Fil-politika m’iniex ċert is-sewwa jirbaħx żgur. L-għajta hi qawwija, bla dubju, imma l-politika, għall-anqas f’Malta u Għawdex, donnha trid xi ħaġa aktar minn hekk. Speċjalment meta l-akkużi ta’ korruzzjoni u ta’ ‘game over’ qed jitkattru bħall-faqqus fuq tiben imxarrab li ma jista’ jieħu n-nar b’xejn.

Il-kurżità oħt il-għerf

Image
Jgħidu li huma n-nisa l-kurjużi. Dan mhuwiex minnu. L-irġiel kurjużi daqshom. Għall-anqas xi wħud minnhom. Daqskemm mhux in-nisa kollha huma kurjużi. Xi ftit jew wisq ilkoll kemm aħna kurjużi, ukoll jekk xi wħud iqisu l-kurżità bħallikieku kienet xi kwalità ħażina jew ta’ min jaħrabha. Dan għax ma jintebħux li l-kurżità hija oħt il-għerf u li, li kieku ma kienx għall-kurżità, il-bniedem għadu sal-lum jgħix fl-għerien. It-tagħlim mill-kurżità Il-kurżità hija l-kwalità ta’ ħsieb li jistaqsi. Kull annimal li għandu moħħ jagħmel il-mistoqsijiet biex jiskopri u jitgħallem. Mingħajr il-kurżità mhemmx tagħlim. It-tagħlim huwa frott il-kurżità li trid tkun taf aktar, li trid tiskopri dak li ma tafx. Bil-kurżità aħna nkabbru l-ħażna tat-tagħrif li diġà jkollna jew niltaqgħu ma’ rabtiet ġodda li l-affarijiet ikollhom bejniethom. Skont il-filosfu Grieg tal-qedem Aristotli, li għex fit-tielet seklu qabel Kristu, hemm għaxar għamliet ta’ mistoqsijiet li loġikament nistgħu nagħmlu (isejħilho

Dimech jgħix!

Image
Għada t-Tnejn, il-Prim Ministru, is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) u jien se noħorġu uffiċjalment għall-pubbliku ktieb bil-ħajja ta’ Manwel Dimech fil-qosor. Iċ-ċerimonja, li se ssir quddiem Kastilja mal-monument sabiħ ta’ Dimech b’tifkira tas-96 sena mill-mewt ta’ Dimech u ta’ Jum il-Ħaddiem, tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija. Kun magħna int ukoll għal din l-okkażjoni speċjali. Rakkont personali Dan il-ktieb ktibtu xi snin ilu u jġib il-bijografija sħiħa ta’ Manwel Dimech. Semmejtu JIEN, MANWEL DIMECH għax għax il-kitba bħallikieku kitibha Dimech stess qisu qed jirrakkonta l-bijografija tiegħu nnifsu. Dan huwa stil li, minbarra li huwa aktar personali, ma jippermettix stħajjil storiku. Dimech jirrakkonta l-istorja tiegħu stess kif aktarx raha u esperjenzaha hu personalment. Għalkemm dal-ktieb ġdid iġib verżjoni mqassra tal-ħajja ta’ Dimech, b’daqshekk m’hemm xejn qasir fiha. Xorta waħda jingħataw id-dettalji kollha tal-ħajja ta’ Dimech f’kull fażi tagħha, mill-bidu sal-aħħar. Id-

It-tajjeb u s-sabiħ

Image
Hu minnu li dak kollu li hu tajjeb hu wkoll sabiħ, u dak kollu li hu sabiħ hu wkoll tajjeb? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi ħafna fuq x’wieħed jifhem b’‘tajjeb’ u x’jifhem b’‘sabiħ’. Għax jekk kien hawn, ngħidu aħna fil-filosofija, diskussjoni li ilha sejra litteralment minn qabel Ġesù Kristu, minbarra dik fuq x’inhi l-verità, kienet dik ta’ x’għandna nifhmu b’‘tajjeb’ u x’għandna nifhmu b’‘sabiħ’. Il-ferq tas-sabiħ mit-tajjeb L-ewwel saram li niltaqgħu miegħu, sa minn żmien il-filosfi l-qodma tal-Greċja klassika sal-lum, hu jekk it-tajjeb u s-sabiħ huma kwalitajiet li jeżistu f’moħħ il-bniedem biss jew jekk jeżistux maqtugħa minnu fl-affarijiet. Ngħidu aħna, pittura hi sabiħa fiha nnifisha jew hu jien li naraha sabiħa u ħaddieħor jaraha kerha? Li wieħed iħalli xi ħaġa tal-flus lil wejter hu għemil tajjeb fih innifsu jew hu jien li narah tajjeb filwaqt li ħaddieħor jarah bħala għemil ħażin? Illum il-ħsieb mifrux, ukoll fost il-filosfi, aktar donnu jxaqleb lejn il-f

Aħjar musulman tajjeb minn nisrani ħażin

Image
Minn żmien għal żmien jibqgħu jinqalgħu fil-gżejjer Maltin kwestjonijiet li jixħtuna l-baħar. Jew aħjar, kwestjonijiet li juru li konna u għadna l-baħar. Għax huma kwestjonijiet li suppost ilna li solvejnihom; kwestjonijiet li l-karattru ċivilizzat li mingħalina għandna mhu suppost li jara ebda kwestjoni fihom. Il-kwestjoni tat-tagħlim tar-reliġjon Musulmana fl-iskejjel tal-Knisja Kattolika hi waħda minnhom. Suppożizzjonijiet F’dan kollu qed nitkellmu fuq dak li hu suppost, jiġifieri fuq suppożizzjoniet li nagħmlu biex nidhru jew inħossuna aħjar. Waħda minn dawn is-suppożizzjonijiet hija li aħna s’issa, bħala poplu, rabbejna spirtu hekk ċivilizzat li l-prinċipji repubblikani jidħlu u joħorġu minn imnifsejna bħall-arja li nieħdu l-ħin kollu. Bħal ħafna suppożizzjonijiet, din ukoll hija tidher li hi fittizzja. Ħafna minna jagħmluha u jilagħbuha ta’ ċivilizzati u repubblikani u saħansitra ta’ liberali, imma mbagħad, meta niġu għas-si u n-no, issib li għandhom mentalità qadima u ma