Posts

Showing posts from November, 2017

L-ambjent ta’ suspett

Image
Daż-żmien sirt tiltaqa’ ma’ bosta nies li, malli jaqbduha fuq il-politika, tarahom li nxteħtu għal rashom f’baħar ta’ suspetti. Ħafna drabi ssib li dawn in-nies jirrepetu mingħajr wisq ħsieb kantalieni li ħaddieħor ikun qalhom aktar minn darba bi skop politiku, proprju biex jitfa’ l-ħatab fin-nar u jkompli jħeġġeġ ambjent ta’ suspett li ma jikseb xejn, anzi, isewwed il-qlub u jħawwad l-imħuħ. Tajjeb li tistaqsi Li wieħed jikkwestjona dak li ħaddieħor jgħidlu m’hijiex xi ħaġa ħażina. Il-mistoqsijiet dejjem wasslu għall-informazzjoni u saħansitra għat-tagħlim. Bniedem li jistaqsi huwa bniedem li jitgħallem. Mhux biss. Huwa bniedem li ma jħallix l-għajdut jiġri bih jew l-apparenzi li jqarrquh. Tajjeb li tistaqsi: staqsi dejjem! Madanakollu, waqt li wieħed jistaqsi u jikkwestjona m’għandux jagħti widen għal kull tweġiba li tingħatalu, speċjalment mingħand dawk li l-intenzjoni tagħhom m’hijiex li jgħallmuh jew jgħarrfuh, iżda li jħawduh jew, li hu agħar, li jiksbu vantaġġ politiku m

Korrotti. B’daqshekk?

Image
Iltqajt dan l-aħħar ma’ grupp t’Olandiżi biex nagħtihom taħdita fuq it-twemmin fil-gżejjer Maltin. Meta temmejt dak li ħejjejt biex ngħid, il-mistoqsijiet kienu kollha fuq il-korruzzjoni f’pajjiżna; f’dan biss donnhom kienu interessati. Ftit tal-ġimgħat wara, kelli komunikazzjoni bl-Internet ma’ għadd ta’ Spanjoli fuq ix-xogħlijiet letterarji Maltin; il-mistoqsijiet li bdew jagħmluli kienu fuq il-korruzzjoni f’pajjiżna; bħall-oħrajn, f’dan kienu interessati l-aktar. Korruzzjoni endemika Dan l-interess makabru qam dan l-aħħar minħabba li kulħadd sema’ bina li aħna litteralement noqtlu għall-korruzzjoni. Ngħiduha kif inhi, il-barranin li qatt ma rifsu fuq artna, u li aktarx bil-kemm qatt semgħu bina qabel, qishom f’daqqa waħda skoprew dak li l-barranin li jgħixu hawnhekk f’Malta jew f’Għawdex tgħallmu mal-ewwel ftit ġimgħat tagħhom fostna, u li aħna, bejnietna, ilna nafu ħafna: li aħna korrotti sa minn qaddisna! M’għandniex xi ngħidu, dan ma ngħiduh qatt fil-beraħ, u lanqas qatt

Iż-żgħir u l-b’saħħtu

Image
Dawk id-dokumenti li qed jinkixfu fuq nies li nvestew barra l-pajjiżi rispettivi tagħhom, dawk li qed jissejħu bl-Ingliż il-‘Paradise Papers’, jew, bil-Malti, il-‘Karti tal-Qaddisin’, jekk xejn juru differenza oħra qawwija bejn iż-żgħar u ’l min hu b’saħħtu finanzjarjament. Hija differenza li ma nistgħux nistagħġbu biha, iżda li tfakkarna bil-qawwi l-livelli ta’ diżugwaljanza li hawn fid-dinja, inkluż f’pajjiżna, u r-rgħiba tal-bniedem fejn twassal. X’nistgħu nagħmlu kontriha? wieħed jista’ jistaqsi. Atti inetiċi Il-Karti tal-Qaddisin jammontaw għal madwar 13.4 miljun. Huma dokumenti elettroniċi kunfidenzjali li jorbtu mal-investiment barra l-pajjiż tal-oriġini. Dawn inkixfu minn gazzetta Ġermaniża l-Ħadd li għadda, 5 ta’ Novembru, 2017. Il-Karti kixfu mal-120,000 isem ta’ individwi jew kumpaniji li jagħmlu investimenti bħal dawn. L-ammont ta’ flus involut f’dawn l-investimenti jlaħħaq l-10 triljun dolloru Amerikan, jiġifieri 10 miljun, miljun, miljun! Il-biċċa l-kbira ta’ dawn

Indignazzjoni

Image
L-ewwel sentiment, u l-aktar—u, għandu mnejn, l-uniku—sentiment komuni, li l-poplu Malti u Għawdxi ġarrab mal-qtil godard ta’ Daphne Caruana Galizia kienet l-indignazzjoni. Qabel ma daħal il-partiġġjaniżmu politiku, qabel ma daħlu l-opportunisti, qabel ma bdew il-paniġierki, qabel ma ddeffsu l-moralisti, qabel ma serdqu l-ġudikaturi ... kien hemm l-indignazzjoni. U bir-raġun. Sal-lum—għall-anqas s’issa—hija l-indignazzjoni biss li tista’ tibqa’ tiggwidana biex inżommu rasna fuq għonqna u nġibu rwieħna ta’ nies sensibbli. Indignazzjoni xierqa Nerġa’ ntenni dak li għedt ftit ilu, li jien nista’ ma naqbel xejn ma’ dak li kienet tgħid Daphne, li jien nista’ ma naqbel xejn ma kif kienet tgħidu, li jien nista’ ma naqbel xejn mal-partiġġjani, l-opportunisti, il-paniġeristi, il-moralisti u l-ġudikaturi ... imma xorta waħda nibqa’ indignat, profondament, għall-qtil hekk indifferenti u krudil. Min jitlef rasu u jħalli ’l rasu tinġarr mill-partiġġjaniżmu, l-opportuniżmu, il-paniġeriżmu, i