Sunday, 26 November 2017

L-ambjent ta’ suspett

Daż-żmien sirt tiltaqa’ ma’ bosta nies li, malli jaqbduha fuq il-politika, tarahom li nxteħtu għal rashom f’baħar ta’ suspetti. Ħafna drabi ssib li dawn in-nies jirrepetu mingħajr wisq ħsieb kantalieni li ħaddieħor ikun qalhom aktar minn darba bi skop politiku, proprju biex jitfa’ l-ħatab fin-nar u jkompli jħeġġeġ ambjent ta’ suspett li ma jikseb xejn, anzi, isewwed il-qlub u jħawwad l-imħuħ.

Tajjeb li tistaqsi

Li wieħed jikkwestjona dak li ħaddieħor jgħidlu m’hijiex xi ħaġa ħażina. Il-mistoqsijiet dejjem wasslu għall-informazzjoni u saħansitra għat-tagħlim. Bniedem li jistaqsi huwa bniedem li jitgħallem. Mhux biss. Huwa bniedem li ma jħallix l-għajdut jiġri bih jew l-apparenzi li jqarrquh. Tajjeb li tistaqsi: staqsi dejjem!

Madanakollu, waqt li wieħed jistaqsi u jikkwestjona m’għandux jagħti widen għal kull tweġiba li tingħatalu, speċjalment mingħand dawk li l-intenzjoni tagħhom m’hijiex li jgħallmuh jew jgħarrfuh, iżda li jħawduh jew, li hu agħar, li jiksbu vantaġġ politiku minn fuq dahru. Minn dawn għandna ħafna. Dawn l-akbar arma tagħhom hija r-repetizzjoni: jgħidu u jgħidu u jgħidu l-istess ħaġa sakemm fl-aħħar tikseb xi għamla ta’ verità.

Jekk ir-repetizzjonijiet tagħhom ma jiksbux għamla ta’ verità, għall-anqas jiksbu xi ħaġa li għandha mnejn hija agħar: li jnisslu ħafna suspetti u dubji b’tali mod li jħallu lil dak li jkun iċċassat. Dan l-istat irażżan il-mistoqsija serja u jġib fix-xejn l-inkwetudni li hi ta’ min ifittixha.

Repetizzjonijiet bla ħsieb

L-ambjent ta’ suspett maħluq artifiċjalment—l-aktar għal raġunijiet partiġġjani—huwa dannuż ferm għax inawwar il-fiduċja u jeqred il-pożittività. Infatti, ambjent bħal dan kulma jagħmel huwa li jferrex in-negattività biex iġib sitwazzjoni ta’ paniku u nervożiżmu. Dan l-ambjent qed jagħmel l-għeruq tiegħu bħalissa f’pajjiżna u wieħed irid joqgħod attent għalih.

Intenni, m’huwiex sewwa li bniedem jibqa’ jistaqsi u jikkwestjona; imma mhux għad-daqqa ta’ min ma jridx ebda ġid, la liċ-ċittadin u lanqas lil min għażel biex imexxih, imma ġid biss lill-vantaġġ politiku partiġġjan tiegħu.

Issa hawn bosta li qed jaqgħu fin-nassa ta’ dawn in-nies. Qed iħalli lilu nnifsu jirrepeti xnigħat u għajdut mingħajr wisq riflessjoni jew intelliġenza. B’dan m’huwiex jgħin lilu nnifsu biex jistaqsi u jikkwestjona—bħalma għandu jsir f’kull demokrazija suriet in-nies—imma biss biex jgħin l-aġenda partiġġjana ta’ min irid il-ħsara.

Parti mis-soluzzjoni

Min għandu f’moħħu biss li jiżra’ n-negattività jagħmel dan mill-passjoni u mhux mir-raġuni. Infatti, huwa jgħajjat, mhux jirraġuna. Li wieħed joqgħod jirrepeti mingħajr kritika serja u msejsa fuq il-fatti x-xnigħat u l-għajdud negattivi li jisma’ ikun ma jagħmel xejn għajr jissieħeb fil-passjonalità ta’ dawn in-nies.

Sinjal ċar ta’ dan huwa li min ixerred in-negattività u l-qrusa jagħmel dan billi jnessi dak kollu li jista’ jkun pożittiv, kemm fl-amministrazzjoni u kemm fiċ-ċittadin. Ħsiebu biss li jpinġi kollox ikrah, maħmuġ u ... suspettuż. B’dan jasal biex joħloq, bil-ftit il-ftit, il-paniku li jixtieq ħalli fejn ma wasalx bis-sewwa jasal bid-dnewwa.

In-negattività u l-ambjenti ta’ suspett qatt m’għenu lil ħadd biex jasal biex jifhem aktar jew biex isewwi xi ħaġa. Dawn huma ħofor li, meta wieħed jinżel fihom, ma jkunx jista’ jitla’ aktar u, jekk jipprova, ikompli jkabbar il-problema.

Jekk jista’ jkun, aħna lkoll għandna nkunu parti mis-soluzzjoni, mhux mill-problema!


 Agħfas fuq ix-xbieha t'hawn taħt bħal aktar tagħrif

http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/4473-manwel-dimech.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever