Posts

Showing posts from October, 2013

Knisja bla qalb?

Image
L-abbozz ta’ liġi dwar unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, u li qiegħed jiġi diskuss mill-parlament bħalissa, qiegħed ġustament iqajjem diskussjonijiet mal-pajjiż kollu. Il-Knisja Kattolika, permezz tad-diversi entitajiet tagħha, mhijiex qed tonqos li tieħu sehem f’dawn id-diskussjonijiet. Dan huwa dritt u dmir tagħha. Iżda, sfortunatament, jista’ jkun li l-impressjoni li l-Knisja qiegħda terġa’ tagħti lill-poplu Malti hi li l-istituzzjoni tagħha hi waħda bla qalb. Impressjoni ħażina Sentejn ilu, il-kampanja tal-Knisja Kattolika għar-referendum tad-divorzu fil-gżejjer Maltin jidher li ħalla lil ħafna Maltin għal kollox iddiżgustati. Fil-ħerqa li kellha l-Knisja sabiex twassal il-messaġġ tagħha (ħaġa li għandha dritt u dmir tagħmel), tat u ħalliet l-impressjoni sfortunata li ma tħossx biżżejjed, la għad-drittijiet umani, u lanqas għall-minoranzi. Wieħed jistenna li, wara dik il-froġa, l-esponenti tal-Knisja kienu se jitgħallmu mill-esperjenza, jekk xejn għall-anqas m

2,400 sena mill-Akkademja ta’ Platun

Image
Min jaf għad tiġix f’idejk din il-munita ta’ €2? Ħarġitha l-Greċja fl-1 ta’ dan ix-xahar. Il-profil li turi hija tal-kbir filosofu Grieg tal-qedem, Platun, li għex erba’ sekli qabel Kristu. Dan kien waqqaf skola filosofika ta’ fama millennarja msejħa “Akkademja”. Is-sena kienet 387 QK, u din is-sena jaħbat l-erbgħa u għoxrin seklu mit-twaqqif tagħha. L-Akkademja baqgħet teżisti għal disa’ mitt sena sħaħ (sal-529 wara Kristu). L-Akkademja Il-medda art ċkejkna tal-Akkademja ta’ Platun f’Ateni (il-belt kapitali tal-Greċja) kienet tinsab madwar mil u nofs bogħod miċ-ċittadella tal-Akropoli lejn il-majestral. F’dak iż-żmien, l-inħawi kienu masġar b’siġar taż-żebbuġ magħrufa popolarment bl-isem ta’ Akademos, eroj Grieg tas-seklu 12 QK. Kien minn hawnhekk li l-iskola ta’ Platun ħadet isimha. Illum il-ftit fdal tal-Akkademja jinsab ġo park imdaqqas magħruf bħala Kolonos. Aktar kmieni din is-sena, biex jitfakkar l-anniversarju mit-twaqqif tal-Akkademja, it-23 Kungress Dinji tal-Filoso

Il-ġlieda kontra l-faqar

Image
Għal darba oħra, għandna gvern li huma deċiż li jaqbad il-barri tal-faqar minn qrunu. Dan ifakkarna fl-isforzi li kienu għamlu Boffa fis-snin erbgħin u Mintoff fis-snin sebgħin. Issa wkoll jeħtieġ sforz ġdid għax, diżgrazzjatament, il-faqar reġa’ kien beda jgħolli rasu. Din tista’ tidher bħala xi ħaġa sorprendenti meta tqis il-livell ekonomiku li laħaq pajjiżna u meta tqis it-tkattir tal-ġid b’mod globali. Żieda fil-faqar Iżda l-faqar qiegħed jiżdied tassew. Kemm fid-dinja, iżda wkoll fostna. Bla dubju, dan hu dovut għal politika imgħoddija li ma ħasbitx biżżejjed biex it-tkattir u t-tqassim tal-ġid ikun mifrux fuq kulħadd. Xi wħud donnhom tqiesu ċittadini aktar xierqa minn oħrajn; xi wħud tqiesu ċittadini tat-tieni jew it-tielet klassi. Politika bħal din mhijiex aċċettata minn dan il-gvern. L-għażla tiegħu ftit tax-xhur ilu saret, fost raġunijiet oħra, proprju minħabba din id-deċiżjoni tiegħu; li l-ġid jinkiseb għal kulħadd u jitqassam fost kulħadd. Il-prinċipju li ‘xi nies hu

Tifkira tat-tħaġġir ta’ Dimech

Image
Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru, 2013, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jikxef plakka kommemorattiva biex tibqa’ tfakkar it-tħaġġir ta’ Manwel Dimech f’Ħal Qormi fl-1912. L-attività qiegħed tiġi organizzata mis-Sensiela Kotba Soċjali f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi. Din it-tifkira se ssir fi Triq il-Kbira, Qormi (ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ). Tibda fil-11.30 ta’ filgħodu, u għaliha kulħadd hu mistieden. L-istorja tat-tħaġġir Mitt sena ilu, waqt li kien skomunikat mill-Knisja Kattolika, Dimech għamel sejħa biex ilaqqa’ n-nies ġewwa sala fi Triq Santa Katarina, Ħal Qormi. Minn jiem qabel il-laqgħa, il-Kurja tal-Isqof għafset lill-pulizija sabiex irażżnuh milli jagħmel il-laqgħa. Iżda dan ma setgħux jagħmluh. Għalhekk, minflok, daħlu biex jisfrattaw il-laqgħa l-Kappillan ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u xi qassisin oħrajn. Għal jiem sħaħ, huma wissew lin-nies minn fuq il-pulptu fuq ix-xitan li kien ġej fosthom. Meta wasal jum il-laqgħa, jiġifieri l-Ħadd, 21