Posts

Showing posts from March, 2015

Kuntenti issa?

Image
Kuntenti issa? Ħadtuh li ridtu? Ilħaqtuh it-tir ta’ raskom? Mhux għal dan l-iskop xewwixtu, bejjittu, ħammamtu u għawwartu kemm flaħtu? Issa wasaltu fejn xtaqtu. Għandkom tkunu qed ittiru bil-ferħ, le? Sidirkom minfuħ bil-kburija ta’ għemilkom. Sabiħa l-istorja li nissiġtu għal għajnejn in-nies. Tafu tbellgħuha lil kulħadd, hux hekk? Bniedem jimrad, kulħadd jitħassru, iċedi l-armi, issir tfittxija xierqa, l-Ispirtu s-Santu jagħmel għażla għaqlija u kulħadd jispiċċa kuntent u ferħan. Storja pinġuta. Tagħlaq minn kullimkien. Iżda li l-bniedem marradtuh intom, dan ma tgħiduhx. Li l-bniedem ridtuh sa mill-bidu mqaċċat min-nofs, ma tgħiduhx. Li kollox kien maħdum bizzilla, ma tgħiduhx. Tgħidu biss dak li tridu li n-nies jemmnu. Dak li ħadd ma jobsor li seta’ jsir, ma għarrafuh lil ħadd. Żammejtuh mistur. Biex il-ħrafa li sensiltu jtaqtquha ċ-ċwielaq u l-gidba li ħawwartu ssir paġna sabiħa fil-ktieb tal-istorja mwegħra tagħkom. Bħal David, taħsbu li d-dnub tagħkom ma jaf bih ħadd.

Dimech mogħti l-ġenb

Image
Min ħa d-deċiżjoni biex il-monument ta’ Manwel Dimech jitneħħa miċ-ċentru ta’ Misraħ Kastilja? Ma’ min saret il-konsultazzoni? B’liema filosofija u għerf saret din il-bidla apparentement żgħira iżda bil-wisq sinifikanti? U fuq kollox: Għandna noqogħdu għaliha? Konsultazzjoni ma’ ħadd Li kieku ma kinetx Daphne Caruana Galizia ħadd ma kien ikun jaf bil-pjanijiet li kienu saru minn wara dahar kulħadd biex Misraħ Kastilja titwitta mill-ġdid u biex il-monument ta’ Dimech jitneħħa min-nofs. Kulma kellu xi jgħid Mario Cutajar fit-2 ta’ Marzu kien li “l-monument ta’ Dimech kien se jitressaq fil-ġenb, eqreb lejn il-Kavallier ta’ San Ġwann”. Ġimgħa biss wara, b’sorpriża ta’ kulħadd, il-misraħ beda jiġi attakkat mill-magni. L-għada li kien beda x-xogħol, fl-10 tax-xahar, il-monument ta’ Dimech tneħħa mingħajr ħadd ma jaf fejn ittieħed jew fejn se jiġi mqiegħed mill-ġdid. Għalkemm id-disinnji ġew ippubblikati, ma hu ċar xejn fejn se jkun il-monument ta’ Dimech. Konsultazzjoni dwar dan

Gvern ċivili

Image
Għaddew sentejn mill-elezzjoni tal-gvern Laburista l-ġdid immexxi minn Joseph Muscat u l-‘logħba’ politika ġiet ittrasformata għal kollox. Inbidlu l-protagonisti ta’ qabel u magħhom inbidel il-mod ta’ kif issir il-politika f’dan il-pajjiż. Illum, b’ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja, bil-kemm għadhom jeżistu l-adattazzjonijiet skomdi li kienu mmarkaw il-ħidma politika fil-ħamsin sena ta’ qabel. Era ġdida Din il-ġimgħa, il-partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat għalaq sentejn fil-gvern. Kienu sentejn li fihom l-ekonomija kompliet tkun stabbli, il-qagħda soċjali paċifika u r-relazzjonijiet politiċi kalmi. Dan kien għal kollox differenti mill-gvernijiet Laburisti kollha ta’ qabel, kemm ta’ Mintoff, kemm ta’ Mifsud Bonni u kemm ta’ Sant. Dan ma kienx biss grazzi għall-istil ġdid ta’ tmexxija ta’ Muscat, iżda wkoll għall-istil ġdid ta’ oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil, stil differenti għal kollox minn dak ta’ Fenech Adami u Gonzi. Iż-żewġ naħat, kemm Laburista u kemm Nazzjonalista

Xi kruha!

Image
Kif din il-ġimgħa ntweraw l-ewwel ritratti tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-ġdida fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-Internet infaqa’ bil-kummenti. Kieku kien hemm wieħed jew waħda li għoġbithom! L-agħar hu li l-Kamra l-ġdida tidher qisha knisja. Bl-artal u l-kurċifiss b’kollox. Bid-differenza li hi waħda mill-aktar knejjes koroh fil-gżejjer Maltin. Għamla ta’ knisja Id-disinn tal-Kamra l-ġdida hu mill-aktar insipidu. Lewn b’ton wieħed ta’ njam, b’bankijiet qishom ta’ skola primarja li m’għandhiex ħlief xfar dritti u ħorox. Tarahom ukoll tweġġa’! Il-monotonija tad-disinn hi palpabbli. Tħossha tolqtok bħal daqqa ta’ ponn. Din l-ogħla istituzzjoni tal-leġislatura hi mnebbħa minn nuqqas ta’ imaġinazzjoni, avventura u dinjità. Agħar minn hekk, il-qagħda tal-bankijiet tan-nuna jippresupponu li l-Kamra dejjem se jkollha ġo fiha żewġ partiti. Fejn se joqogħdu l-membri tat-tielet partit, jekk qatt jitilgħu fil-parlament? M’hemmx post għalihom u d-disinn tal-Kamra l-ġdida jgħid proprju he

Il-kleru fil-gżejjer Maltin

Image
Skont wieħed mill-aħħar estimi, f’Malta u Għawdex hawn mat-800 membru tal-kleru Kattoliku (saċerdoti). 60% ta’ dawn huma qassisin (madwar 500); 40% patrijiet (madwar 300). Fost il-qassisin, 60% jinsabu Malta (madwar 300); 40% Għawdex (madwar 200). Fost il-patrijiet, 5% biss jinsabu Għawdex (madwar 15). Filwaqt li, bejn wieħed u l-ieħor, bħalissa hawn f’Malta saċerdot għal kull 650 ruħ, u f’Għawdex wieħed għal kull 140, kumplessivament l-età medja tal-kleru Malti u Għawdxi hija ta’ madwar il-65 sena. Kontribut inestimabbli Imqabbla mal-għadd ta’ saċerdoti f’pajjiżi oħra ferm akbar minn tagħna, dawn l-estimi jistgħu jidhru inkuraġġjanti. Iżda minkejja l-preżenza numerika, wieħed mill-ewwel jintebaħ mill-età medja għolja li l-qagħda mhijiex daqshekk ward u zahar. Anki minn dan il-lat, hija qagħda taħt pressjoni, u pressjoni li qiegħda tiżdied. Meta tqis l-għadd bla qies ta’ ħidmiet li l-kleru attiv jagħmel fil-gżejjer Maltin wieħed ma jistax ma jistagħġibx bl-enerġija apparentemen