Kuntenti issa?

Kuntenti issa? Ħadtuh li ridtu? Ilħaqtuh it-tir ta’ raskom? Mhux għal dan l-iskop xewwixtu, bejjittu, ħammamtu u għawwartu kemm flaħtu? Issa wasaltu fejn xtaqtu. Għandkom tkunu qed ittiru bil-ferħ, le? Sidirkom minfuħ bil-kburija ta’ għemilkom.

Sabiħa l-istorja li nissiġtu għal għajnejn in-nies. Tafu tbellgħuha lil kulħadd, hux hekk? Bniedem jimrad, kulħadd jitħassru, iċedi l-armi, issir tfittxija xierqa, l-Ispirtu s-Santu jagħmel għażla għaqlija u kulħadd jispiċċa kuntent u ferħan. Storja pinġuta. Tagħlaq minn kullimkien.

Iżda li l-bniedem marradtuh intom, dan ma tgħiduhx. Li l-bniedem ridtuh sa mill-bidu mqaċċat min-nofs, ma tgħiduhx. Li kollox kien maħdum bizzilla, ma tgħiduhx.

Tgħidu biss dak li tridu li n-nies jemmnu. Dak li ħadd ma jobsor li seta’ jsir, ma għarrafuh lil ħadd. Żammejtuh mistur. Biex il-ħrafa li sensiltu jtaqtquha ċ-ċwielaq u l-gidba li ħawwartu ssir paġna sabiħa fil-ktieb tal-istorja mwegħra tagħkom. Bħal David, taħsbu li d-dnub tagħkom ma jaf bih ħadd.

Il-paljaċċati tagħkom issa lesti. Nissiġtu nasba bi lsienkom u, fl-għawi u l-ħamba tagħkom, insatartu fil-moħbiet tagħkom sakemm iż-żmien iġibhielkom warda. Stennejtu li l-ġisem jiddgħajjef taħt it-toqol tal-moħqrija tagħkom, u miegħu jifni l-ispirtu. U hekk ġara, bħalma qasqastu.

It-tjieba tiegħu ġabitlu l-qerda. Il-qdusija tiegħu wasslitu biex issalbuh. It-tjubija tiegħu ġagħlitu jixrob qatra qatra s-semm li sqejtuh. Irnexxielkom tifnulu l-qalb kbira tiegħu. Seħħilkom tmewtu l-ispirtu kbir li nebbħu. Dan ma ngħidux għax jiena u hu fula maqsuma. Jew għax ħsiebna l-istess. Jew għax naqbel ma’ dak kollu li qata’ fuqu. Ngħidu f’isem id-deċenza. F’isem l-onestà. Li intom m’għandkomx.

Naf x’se tgħidu għalija. Naf kif se xxerrduha. Se tgħidu li dawn il-kliem huma biss ġennati ta’ ħalliem. Ħrejjef ta’ għajjur. Tpaċpiċ ta’ kalunjatur. Għidu li tridu! Ma tbeżżgħunix. Ibeżżagħni biss Alla ... u li ma nkunx giddieb u qarrieq bħalkom. Dan biss ibeżżagħni.

Issa t-tixwixa li bdiet f’kuruduri mudlama u taħt l-ilsien fl-irkejjen, li nħadmet bil-mod mingħajr skruplu u mingħajr mogħdrija, issa t-tixwixa mitmuma. Issa ma xxewxux iżjed. Issa ma tbejtux iżjed. Issa ma tikkonfoffawx iżjed. Issa ma tgħawrux iżjed. Hux hekk?

Issa ħadtu li ridtu. Il-pjan tagħkom ħdimtuh sew u wettaqtuh sal-aħħar. Issa lkoll kemm aħna rridu noqogħdu għalih. Ma jinpurtax. Noqogħdu għalih bi twemmin sħiħ li Alla ma jħallasx bin-nhar ta’ Ġimgħa.

Għax hemm Ġustizzja li hija akbar minn dik tal-bnedmin. Li ma tħarisx lejn l-uċuħ. Li ma tinsiex il-kawża taż-żgħir. Ġustizzja li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, ikollna noqogħdu għaliha. Hi Ġustizzja li ma tfallix.

Min-naħa tagħna, imbagħad, hemm il-maħfra. Li hija l-muftieħ għall-ħelsien. Mhux għal tagħkom, imma għal tagħna. Għax filwaqt li d-dnub tagħkom ma jorqodx, bil-maħfra li nagħtukom ma tħallix li s-semm tiegħu jnixxi f’qalbna.

Għalhekk aħna nkunu hiena. Iżda intom, fir-rebħa ċkejkna tagħkom, tkunu mnikkta u mnawra. Għax għalkemm bniedem jirbaħ illum u għada, u jkun għal ftit waqtiet kuntent fil-ħażen tiegħu, ma jirbaħx għal dejjem. Hija l-imħabba li tirbaħ. Hi tagħmel l-aħħar daħka.

Ta’ dan jiena żgur. Għalhekk ma niddisprax. Għalhekk ma naqtax qalbi. Għalhekk nibqa’ nemmen li, għalkemm il-bniedem jipproponi, hu Alla—u Alla biss—li jibqa’ jiddisponi.







Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?