Posts

Showing posts from July, 2017

It-telqa tas-sajf

Image
Xi wħud għamlu filosofija sħiħa mill-pessimiżmu. Dan is-sentiment, li dejjem iħares lejn l-agħar aspett tal-affarijiet jew jemmen li fil-ħajja jiġru, jew jistgħu jiġru, l-agħar affarijiet, aktarx jitnissel minn telqa psikoloġika u affettiva qawwija li jaħdem ir-ruħ minħabba esperjenzi xejn sbieħ li ġġarrab. It-tfittxija L-esperjenzi xejn sbieħ jiġru lil kulħadd. Għandu mnejn xi wħud jintlaqtu agħar minn ħaddieħor, u x-xorti tagħtihom fuq wiċċhom sa minn kmieni u xi kultant donnha ma titlaqhomx. Madankollu, l-esperjenzi weħedhom aktarx m’humiex biżżejjed biex iferu r-ruħ b’mod permanenti u jivvalenawha b’niket li qisu ma jehda qatt. L-esperjenzi huma determinanti, bla dubju, iżda magħhom bniedem iżid ċertu telqa li ġġiegħlu jara lilu nnifsu, u saħansitra lill-ħajja kollha, dejjem bħala vittma ta’ ċirkustanzi, nies u avvenimenti li ħadd ma jista’ jevita. Minn hawn jiġi l-pessimiżmu li jonqos mill-fiduċja jew it-tama fil-ġejjieni. F’xi waqt jew ieħor, kulħadd iġarrab l-inevitabb

Il-martri l-ġodda

Image
L-ambjentalisti aktarx huma llum l-aktar persuni fid-dinja politikament konxji tagħhom infushom. L-ambjent sar il-lok fejn l-oppressjoni umana u dinjija tal-lum qed tidher l-aktar; il-fruntiera fejn qed jiġu l-aktar wiċċ imb’wiċċ l-oppressjur u l-oppressat; il-fus li fuqu aktarx qed iddur l-aktar ir-rota tal-isfruttament li qed joħloq is-suq ħieles globalizzat. L-ambjentalisti saru l-martri l-ġodda ta’ din l-era umana. L-isfreġju tas-suq ħieles Is-suq ħieles globalizzat, bil-filosofija neoliberali tiegħu—li ma hu xejn jekk mhux paraventu għall-isfruttament—għamilha dejjem aktar diffiċli li n-nies, individwalment u kollettivament, ikunu konxji tal-qagħda politika li fiha jinsabu tabilħaqq. Mogħmija bl-illużjoni ta’ libertà u l-manija tal-konsum, bil-gidba tad-demokrazija u l-ħrafa tal-vot, mingħalihom li huma ħaġa meta fir-realtà huma oħra. Fir-realtà huma skjavi ġodda ta’ sidien anonimi qawwija daqskemm wikkiela, rgħiba u ħattafa li, waqt li jidħqu bil-biċċa l-kbira minna, ġabu

Il-G20 u s-suq ħieles

Image
Il-laqgħa għolja tal-G20 li saret f’Ħamburg, il-Ġermanja, ġimgħa ilu, fis-7 u t-8 li għadda, għandha mnejn ma tantx interessant lil ħafna minna. Ovvjament, Malta ma kinetx rappreżentata. Minkejja li dawn il-laqgħa spiss ma joħroġx wisq minnhom, xi kultant, bħal din id-darba, jista’ jkollhom affarijiet interessanti li jiddistingwuhom. Żewġ okkażjonijiet Il-laqgħa kienet biss għall-mexxejja tal-aqwa għoxrin ekonomiji tad-dinja (għadna ma wasalniex s’hemm!) u xi rappreżentanti ta’ banek ċentrali. Jekk xejn, din il-laqgħa partikulari se tibqa’ magħrufa minħabba li fiha ltaqgħu għall-ewwel darba wiċċ imb’wiċċ il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald Trump, u l-President tar-Russja, Vladimir Putin. Fil-jiem ta’ qabel il-laqgħa kien hemm żewġ okkażjonijiet oħra li taw xejra partikulari lil-laqgħa ta’ Ħamburg. Waħda kienet fl-1 ta’ Ġunju ta’ qabel, meta Trump ħabbar li kien se jirtira ’l pajjiżu mil-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-ambjent. Dan, skont

Is-sajf żmien il-ktieb

Image
Hija l-aqwa użanza li jistgħu jkollhom il-ġenituri li jgħallmu ’l uliedhom, u n-nanniet lin-neputijiet tagħhom, iħobbu jaqraw. Ikunu b’hekk qed jagħmlulhom ġid kbir għal ħajjithom kollha. Għax il-ktieb hu l-aqwa ħabib tal-bniedem: iwessagħlu moħħu, ikabbarlu ruħu, jagħmlu ċittadin tad-dinja, iħabbu mal-umanità u jagħti lil qalbu għerf u dehen li ebda skola ma tista’ tagħtih. X’ħela! Xi żmien aħjar biex naqraw aktar mis-sajf? Huwa ż-żmien meta aktarx ikollna aktar ħin fuq idejna. Huwa ż-żmien meta jonqsilna l-aptit li nagħmlu wisq attività fiżika. Huwa ż-żmien meta jitwalu l-jiem u jisbieħu l-iljieli. Huwa ż-żmien it-tajjeb biex naqbdu ktieb u nħalluh isaħħarna miegħu. Niftakar, meta jien u ħuti konna żgħar, ’l ommi u ’l missieri jħejjuna għall-ħin twil liberu tas-sajf. Kienu jwebbluna li, tul is-sajf, naqraw għall-anqas ktieb wieħed. Qabel is-sajf, konna nagħmlu magħhom lista ta’ liema kotba nixtiequ naqraw tul ix-xhur sħan ta’ mistrieħ. U mhux wieħed kien jirnexxielna naqraw,

Ambjent nadif?

Image
Minkejja l-għajjat kontinwu għal ambjent nadif kemm mill-gvern u kemm mill-privat, jidhirli li huwa ċar biżżejjed li m’huwiex qed isir sforz biżżejjed biex jitnaqqas it-tniġġis b’mod ġenerali. Sforzi jsiru; dan huwa evidenti. Iżda mhux minn kulħadd, mhux dejjem u mhux kullimkien. Tliet fatturi Għandu mnejn li l-aktar tliet fatturi ewlenin li qed jikkontriwixxu pożittivament għal ambjent imniġġes fil-ħajja ta’ ħafna minna huma tlieta: id-dħaħen tal-karozzi, it-trabijiet tal-kostruzzjoni u r-rimi barra tan-nies. Ukoll waħedhom, dawn it-tliet fatturi diġà għandhom sehem imdaqqas mill-ħmieġ u t-tniġġis ġenerali ta’ bosta nħawi, aħseb u ara meta jiltaqgħu lkoll flimkien. Wieħed m’għandux jinsa jsemmi f’dan il-kuntest il-ħidma qawwija li jagħmlu l-ħaddiema tal-kunsilli lokali għat-tindif tal-lokalitajiet tagħhom. Dan is-servizz importanti lill-komunitajiet tagħna huwa imprezzabbli għax, mingħajr trombi u fanfariji, jikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-ħajja tagħna Madanakol