Is-sajf żmien il-ktieb

Hija l-aqwa użanza li jistgħu jkollhom il-ġenituri li jgħallmu ’l uliedhom, u n-nanniet lin-neputijiet tagħhom, iħobbu jaqraw. Ikunu b’hekk qed jagħmlulhom ġid kbir għal ħajjithom kollha. Għax il-ktieb hu l-aqwa ħabib tal-bniedem: iwessagħlu moħħu, ikabbarlu ruħu, jagħmlu ċittadin tad-dinja, iħabbu mal-umanità u jagħti lil qalbu għerf u dehen li ebda skola ma tista’ tagħtih.

X’ħela!

Xi żmien aħjar biex naqraw aktar mis-sajf? Huwa ż-żmien meta aktarx ikollna aktar ħin fuq idejna. Huwa ż-żmien meta jonqsilna l-aptit li nagħmlu wisq attività fiżika. Huwa ż-żmien meta jitwalu l-jiem u jisbieħu l-iljieli. Huwa ż-żmien it-tajjeb biex naqbdu ktieb u nħalluh isaħħarna miegħu.

Niftakar, meta jien u ħuti konna żgħar, ’l ommi u ’l missieri jħejjuna għall-ħin twil liberu tas-sajf. Kienu jwebbluna li, tul is-sajf, naqraw għall-anqas ktieb wieħed. Qabel is-sajf, konna nagħmlu magħhom lista ta’ liema kotba nixtiequ naqraw tul ix-xhur sħan ta’ mistrieħ. U mhux wieħed kien jirnexxielna naqraw, imma bosta.

Kemm ħin jaħlu t-tfal fis-sajf! U llum, bil-vidjogejms u l-iskajp u l-ajfons u l-ajpeds u x’naf jien, aktarx jaħlu ħinhom, bis-sajf b’kollox, f’attivitajiet li la jħarrku ’l ġisimhom u wisq anqas lil moħħhom. X’ħasra! Meta l-istess ħin jista’ jintuża għal dik l-opra tant sabiħa u utli u prezzjuża tal-qari!

Il-ktieb hu dinja

Dan ma jgħoddx biss għaż-żgħar u ż-żgħażagħ. Jgħodd ukoll għall-kbar u saħansitra għall-anzjani. Ma naħsbux li dawn ma jaħlux ħin. Għandu mnejn jaħlu aktar mit-tfal. U mal-ħin jaħlu ħajjithom. Il-ħela tal-ħin hu dnub! Ħadd qatt ma qallek dan? Iva, hu dnub, għax il-ħin hu prezzjuż. Mhux biss, hu wkoll irrekuperabbli; meta jgħaddi, ma jerġa’ lura qatt aktar.

Il-ktieb hu l-aqwa ħabib ta’ kulħadd. Mhux biss għax huwa għodda kbira ta’ tagħlim, imma aktar u aktar għax hu sodda ratba ta’ ħolm u triq żgura għal postijiet, fil-qrib u fil-bogħod, u żminijiet, ’il quddiem u lura, li qatt ma nistgħu nkunu fihom b’mod ieħor. Fuq kollox, il-ktieb hu l-bieb li jlaqqagħna ma’ nies oħra, qodma, ġodda u oħrajn li għad iridu jiġu, u mal-esperjenza meraviljuża umana.

Is-sajf tagħna, sabiħ kif inhu, jagħtina l-opportunità kbira li, flok naħlu l-ħin f’ħafna ħmerijiet li ma jiswewlna għal xejn ħlief biex jaljenawna, nħallu l-moħħna jimtela b’xbihat mill-ktieb li jagħtu l-ġwienaħ lir-ruħ. Qabel, dari, fl-antik, kienu jiskoraġġixxu l-qari proprju minħabba f’hekk: għax iwebbel in-nies b’ideat ġodda u l-ġejjinijiet differenti u aħjar.

L-aqwa eżempju

Mhuwiex tard biex, fil-bidu ta’ dan is-sajf, tħajjar ’l uliedek jew lin-neputijiet tiegħek jaqbdu ktieb wieħed mill-eluf li jeżistu ta’ kull sura u xeħta, u twebbilhom jaqrawh. Għal ħadd m’hu tard. Int ukoll tista’ taqbad ktieb, b’liema lsien trid, ta’ liema lemħa hu, u tħalli lilek innifsek tissaħħar bih.

Kull żmien tas-sena hu żmien il-ktieb, tassew. Imma għal ħafna minna s-sajf aktarx huwa l-aqwa. Agħżel ktieb wieħed u għid, ‘Dan irrid naqrah das-sajf’. Ma jiddispjaċikx. Għax il-qari hu bħall-aptit; jikber aktar ma tiekol. Malajr issib li, wara ktieb, trid ieħor, u ieħor.

Qabel ma tintebaħ, b’hekk tkun qbadt waħda mill-isbaħ drawwiet tal-bniedem. Min jaf kemm hawn jixtiequ li jkollhom din il-grazzja l-kbira li jaqraw kulma jridu, u ma jistgħux. Int tista’. Uliedek jistgħu. In-neputijiet tiegħek jistgħu. Kun int li tagħtihom l-eżempju. Aktarx tkun tajthom l-aqwa eżempju ta’ ħajtek ... u ħajjithom.


http://www.bdlbooks.com/maltese-history/6101-min-qatel-il-patri.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?