Il-kleru fil-gżejjer Maltin

Skont wieħed mill-aħħar estimi, f’Malta u Għawdex hawn mat-800 membru tal-kleru Kattoliku (saċerdoti). 60% ta’ dawn huma qassisin (madwar 500); 40% patrijiet (madwar 300). Fost il-qassisin, 60% jinsabu Malta (madwar 300); 40% Għawdex (madwar 200). Fost il-patrijiet, 5% biss jinsabu Għawdex (madwar 15). Filwaqt li, bejn wieħed u l-ieħor, bħalissa hawn f’Malta saċerdot għal kull 650 ruħ, u f’Għawdex wieħed għal kull 140, kumplessivament l-età medja tal-kleru Malti u Għawdxi hija ta’ madwar il-65 sena.

Kontribut inestimabbli

Imqabbla mal-għadd ta’ saċerdoti f’pajjiżi oħra ferm akbar minn tagħna, dawn l-estimi jistgħu jidhru inkuraġġjanti. Iżda minkejja l-preżenza numerika, wieħed mill-ewwel jintebaħ mill-età medja għolja li l-qagħda mhijiex daqshekk ward u zahar. Anki minn dan il-lat, hija qagħda taħt pressjoni, u pressjoni li qiegħda tiżdied.

Meta tqis l-għadd bla qies ta’ ħidmiet li l-kleru attiv jagħmel fil-gżejjer Maltin wieħed ma jistax ma jistagħġibx bl-enerġija apparentement formidabbli li dan għandu. Biċċa kbira tas-saċerdoti Maltin, fil-fatt, huma attivi bin-nhar u bil-lejl f’oqsma u ma’ nies li ftit ikunu lesti jersqu lejhom mingħajr ħlas finanzjarju kbir. Allaħares il-kleru kellu jitħallas b’rati professjonali tax-xogħol li jagħmel; tas-sigħat twal, tas-sahriet u tal-impenn li jwettaq.

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol u l-ħidma tal-kleru ma jidher xejn. Huwa kontribut inestimabbli u sieket li forsi mhuwiex valorizzat daqskemm mhuwiex kwantifikat. Ċert li l-kleru nnifsu hekk jippreferi. Mhux biss minħabba li l-ħlas ta’ dan ix-xogħol jintradd b’modi (itjeb) li mhumiex pekunjarji, imma wkoll minħabba d-delikatezza u s-sensittività li ħafna drabi għandu.

L-aspett duttrinali

Minbarra dan l-aspett ‘soċjali’, biex insejjaħlu hekk, hemm ukoll aspett ieħor li jinfluwixxi ħafna fuq il-ħidma saċerdotali: l-aspett duttrinali. Filwaqt li huwa l-aspett ‘soċjali’ li l-aktar jinteressa lill-Istat, dan l-aspett l-ieħor għandu jinteressa ħafna lill-Knisja. Għax hu dan li jagħti ċerta kwalità lill-ħidma tas-saċerdoti fil-bini tal-komunità nisranija.

L-aspett duttrinali li qiegħed insemmi jiddependi bil-kbir fuq il-viżjoni antropoloġika u ekkleżjoloġika li s-saċerdoti għandhom. L-ewwel viżjoni hija dwar il-bniedem: x’jagħmel lill-bniedem kuntent; x’inhu li jroddlu sens f’ħajtu; x’pożizzjoni għandu fil-fasla ekonomika u politika, u ħwejjeġ bħal dawn. It-tieni viżjoni hija dwar il-Knisja nnifisha: x’inhi essenzjalment; għalfejn teżisti; lejn xiex trid twassal il-ħidma tagħha, u ħwejjeġ bħal dawn.

Wieħed jifhem li dawn il-viżjonijiet, tant essenzjali u tant fundamentali għal kull pastorali sana, jieħdu s-sura xierqa tagħhom mit-tagħlim li l-kleru għandu, minn kemm jaqra, minn kemm jistudja, minn kemm jaġġorna ruħu, minn kemm jifhem id-dinja tal-lum. Meta tisma’ l-priedki ta’ xi wħud mis-saċerdoti mill-ewwel tintebaħ x’livell ta’ tagħlim għandhom.

Kleru mgħallem

Knisja mingħajr kleru mgħallem sewwa ma tista’ qatt tieħu r-ruħ. L-antropoloġija ta’ ħafna saċerdoti Maltin u Għawdxin hi evidentement skaduta; l-ekkleżjoloġija tagħhom Tridentina. Din hi waħda mill-pjagi l-aktar kbar tal-Knisja Kattolika f’dawn il-gżejjer.

Iżda pjaga oħra, xi ftit jew wisq relatata ma’ din, hi ta’ natura organizzattiva. Il-biċċa l-kbira tas-saċerdoti attivi, partikularment dawk l-aktar validi fosthom, huma ‘maħruqa’ bix-xogħol. Dak li bl-Ingliż insejħu ‘burn-out’ mhuwiex apprezzat biżżejjed—anzi, kważi xejn—mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi. Hi piena tara saċerdoti li ilhom jaħdmu daqs bgħula tletin, erbgħin u aktar snin mingħajr qatt ma ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu ftit xhur sewwa, imqar sena, wieqfa mix-xogħol pastorali u rtirati xi mkien għat-tiġdid ta’ moħħhom, qalbhom u ruħhom.

Is-saċerdoti—il-ħajja tagħhom, it-tagħlim tagħhom, il-priedki tagħhom—huma l-materja prima tal-Knisja. Ma jista’ qatt ikollok Knisja mġedda, Knisja li tixraq lil żminijietna, jekk ma tibdiex mis-saċerdoti, mill-formazzjoni tagħhom u mit-taħriġ tagħhom.

Kemm saru pjanijiet pastorali biex taparsi jirriformaw il-Knisja lokali? Kollha kienu sforz ta’ xejn għax qabdu d-debba minn denbha. Pjan pastorali li ma jibdiex mis-saċerdoti—mill-għożża tagħhom, mill-kura tagħhom, mit-tagħlim tagħhom—ma jiswa xejn.

Dan li jista’ jkun l-akbar għana tal-Knisja qed jinġieb fix-xejn.








Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?