Sunday, 12 November 2017

Iż-żgħir u l-b’saħħtu

Dawk id-dokumenti li qed jinkixfu fuq nies li nvestew barra l-pajjiżi rispettivi tagħhom, dawk li qed jissejħu bl-Ingliż il-‘Paradise Papers’, jew, bil-Malti, il-‘Karti tal-Qaddisin’, jekk xejn juru differenza oħra qawwija bejn iż-żgħar u ’l min hu b’saħħtu finanzjarjament. Hija differenza li ma nistgħux nistagħġbu biha, iżda li tfakkarna bil-qawwi l-livelli ta’ diżugwaljanza li hawn fid-dinja, inkluż f’pajjiżna, u r-rgħiba tal-bniedem fejn twassal. X’nistgħu nagħmlu kontriha? wieħed jista’ jistaqsi.

Atti inetiċi

Il-Karti tal-Qaddisin jammontaw għal madwar 13.4 miljun. Huma dokumenti elettroniċi kunfidenzjali li jorbtu mal-investiment barra l-pajjiż tal-oriġini. Dawn inkixfu minn gazzetta Ġermaniża l-Ħadd li għadda, 5 ta’ Novembru, 2017. Il-Karti kixfu mal-120,000 isem ta’ individwi jew kumpaniji li jagħmlu investimenti bħal dawn. L-ammont ta’ flus involut f’dawn l-investimenti jlaħħaq l-10 triljun dolloru Amerikan, jiġifieri 10 miljun, miljun, miljun!

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti mhumiex illegali. Huma jsiru bis-saħħa ta’ entitajiet barranin li, permezz tal-liġijiet ta’ pajjiżhom, joffru indulġenzi mit-taxxi bi tnaqqis konsiderevoli. Minkejja li mhumiex illegali, mhumiex etiċi, jiġifieri mhumiex sewwa għal kollox. Waħda għax in-nies involuti jinvestu ’l hinn minn pajjiżhom stess, meta suppost ir-raġuni tgħid li għandhom jinvestu f’pajjiżhom, speċjalment ikunu parti mill-gvernijiet rispettivi tagħhom.

It-tieni, meta tqis l-ammonti ta’ flus involuti, wieħed ma jistax ma jistaqsix ‘Minfejn ġew dal-flus kollha?’ Wieħed jista’ jobsor li xi wħud minn dawn l-ammonti tal-għaġeb ikunu ġew minn għejun dubjużi jew saħansitra illegali. Iżda oħrajn ma jkunux ta’ dan it-tip, allavolja l-ammonti xorta waħda jħassbu lil dak li jkun.

It-tielet, il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti, jekk mhux kollha, isiru fis-sigriet u l-ħabi. X’jurik dan?

Ċertifikat ta’ falliment

M’għandniex xi ngħidu, dak li hu b’saħħtu biss jista’ jagħmel investimenti goffi bħal dawn. Ċikku l-poplu—iż-żgħir—lanqas biss jista’ joħlom bihom. Mhumiex għal snienu. Dawn l-investimenti huma biss ħobż għal min hu geddumu fix-xgħir u qed ipappiha tajjeb. Il-bqija, isaffru l-Aida.

Hija s-sistema selvaġġa kapitalista li għamlet possibbli dawn il-barbaritajiet fid-dinja tagħna tallum, fejn għandek lil min hu mejjet bil-għatx u ’l min hu mejjet fis-sakra. Il-biċċa l-kbira tan-nies tad-dinja huma dawk li ma jgawdux minn din il-‘ġenna tal-art’ li tkattar il-flus bħad-dbieben.

Il-Karti tal-Qaddisin isimhom magħhom: huma tal-qaddisin ta’ din l-art wikkiela, xħiħa u rgħiba. Huma l-qaddisin li ssibhom ma’ djul il-gvernijiet u n-nies tas-setgħa; li jafu jdawru sold fuq dahar ħaddieħor; li aktarx għandhom subgħajhom imdaħħal f’kull pudina li teżisti f’pajjiżhom u anki f’pajjiż ħaddieħor.

Dal-Karti, jekk trid, huma ċ-ċertifikat tal-falliment tal-kapitaliżmu, li jħaxxen bwiet ftit min-nies filwaqt li jħalli miljuni oħra jaqilgħuha u jikluha jew, agħar, bil-kemm kemm jgħixu.

Nies bla fejda

Tassew li l-Karti tal-Qaddisin mhumiex illegali, għalkemm inetiċi. Iżda żgur li huma pastażata mill-kbar. Huma nsult lil kull persuna li taqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’għaraq ta’ xbina, li m’għandhiex setgħa, u li ħafna drabi titqies dispensabbli. Aktar minn hekk ngħid. Il-Karti, u oħrajn bħalhom, huma insult lill-umanità. Għax aħna lkoll indaqs u l-għana ta’ wieħed hu misruq mill-ġid ta’ min m’għandux.

Il-ftit—għall-grazzja t’Alla—li jien ġejt f’kuntatt ma’ sitwazzjonijiet fejn rajt kemm ir-rgħiba ta’ xi wħud f’pajjiżna tasal biex tnessihom ir-rispett lejn ħaddieħor, kien meta sħabi u jien konna qed nipprovaw insalvaw il-Wied tal-Kalkara. Dan ġara bosta snin ilu. Hawnhekk rajt il-kummerċjant id f’id minn taħt il-mejda mal-politiku kemm ta’ lewn u kemm ta’ ieħor.

Dawn l-affarijiet jiskandalizzawni għax narahom jonqsu serjament mill-umanità. Jien, ibda biex, lanqas b’antanjola ma rrid immiss magħhom, għax maħmuġin u qarrieqa. Imma lanqas ma nistenna li ħaddieħor jinxteħet għal porkeriji bħal dawn.

Bniedem ta’ veru ma jista’ la jkun rgħib u lanqas xħiħ. Huma bniedem bla fejda.


Agħfas fuq ix-xbieha għal aktar tagħrif:

http://www.bdlbooks.com/poetry/5732-pietru-caxaru-u-l-kantilena-tieghu.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever