It-tifel li ħadd ma riedu


Kont mort l-istitut għal ħaġa oħra. Mhux biex nara t-tfal. Għal xi qadja ta’ malajr. Ma niftakarx x’kienet. Naf li paspast f’rasi li nidħol, ngħid li kelli ngħid, nitlaq. Daqshekk. Imma kif kont qed inkellem lis-soru, ġew erba’ żrameċ jiddendlu ma’ djulha, b’wiċċ il-ħlewwa ta’ bettieħa, b’daħka daqs il-fetħa tal-port il-kbir, b’għajnejn daqs qmura ... Dobt. X’ma ddubx, ma ddubx!

Imma qalbi ngħasret. Dat-tfal Alla biss jaf, u s-soru, minn xiex diġà għaddew f’ħajjithom. Għadhom lanqas biss jidhru u diġà qalgħu daqqiet ta’ ħarta biżżejjed għal għomorhom kollu. Qatt ma fhimtha din li xi ħadd jista’ jwarrab lil uliedu. Jew lil xi tifel jew tifla, ikunu min ikunu, wara kollox. Qatt ma fhimtha u nibqa’ ma nifhimhiex.

“Dawn jibqgħu hawn għall-Milied, sor?” staqsejt jien biex ngħid xi ħaġa.

“Ħafna minnhom imorru ma’ xi ħadd tal-familja tagħhom,” weġbitni. “Il-bqija jeħduhom xi voluntiera.”

“Mela intom tistrieħu ftit, sor, eh?” żidtilha.

“Mhux għal kollox,” xeħtitli.

“Għala, sor? Ibellgħulkom xi biċċa xogħol żejda, jew?” għafastha.

“Le, le,” għaġġlet qaltli. “Imma kull sena jibqa’ xi wieħed li ma jridu ħadd.”

Jien bqajt inħares qisni l-għaġeb tal-presepju. Għandu jkun ħallejt ħalqi miftuħ u berraqt għajnejja farka żżejjed, għax żiditli malajr:

“Tal-familja ma jkunux iridu jitgħabbew bih, u l-voluntarji ma jkunux iridu keded kbar.”

Jien bqajt aktar imnixxef minn qabel. Ridt kważi kważi nibki, emminni. Is-soru ntebħet li kont inħsadt u riedet isserraħli rasi minnufih:

“U le, ħi, toqgħodx tinkwieta, ta,” qaltli bi tbissima. “Żgur insibu toqba għal kulħadd. Hux veru, tfal?” dawret leħenha lejhom. Dawk, li żgur ma kinux jafu x’kien qed jingħad, faqqgħu flimkien għajta ferriħija li dwiet mal-kuruduri twal tal-istitut. Imma mhux ġo qalbi.

“Ara, sor, ismagħni,” tarraftilha. “Jekk jibqa’ xi ħadd mit-tfal hawnhekk ... u ma jkunx hemm fejn imur jew tmur, ċempel lili, ta? Jiġi jew tiġi miegħi. Ftehmna?”

“Ara dan!” qalet is-soru tabirruħha li qed tistagħġeb. “Mela le. Nagħmlu hekk.”

*     *     *

Għaddew il-ġimgħat u jien dik it-taħdita mas-soru nsejtha. Mhux għax kont għethielha b’nofs qalb imma għax kelli miljun ħaġa x’nagħmel, minn ħaġa għall-oħra, u la kelli moħħ sorijiet u wisq anqas tfal. Id-dinja tal-lum iġġiegħelek tgħaġġel, ukoll jekk nofs it-tferfix u l-ġenn ma jkollniex x’irriduh. Inħaffu u nġerru qishom qed jiġri warajna xi ħadd jew bħallikieku mhux se nlaħħqu. Imbagħad il-Milied ħlief ġenn ma jġibx miegħu.

“Għidli,” għedt malli ħadt il-linja qisni bin-nervi għax xi ħadd tellifni mill-ġirja. “Għidli. Min hemm?”

“Jiena, is-soru tal-istitut,” smajt leħen irqajjaq jgħidli. Bejni u bejn ruħi għedt, ‘X’soru tal-istitut hi din? Biex ħolmot dalgħodu?’

“Għidli, sor,” weġibt bil-ħlewwa kollha. “Nista’ ngħinek f’xi ħaġa?”

“Iva,” smajtha tgħid. “Kont għedtli ftit ilu li, jekk jibqa’ xi ħadd mit-tfal li ma jridu ħadd, tieħdu int għall-vaganzi. Għadek tal-ħsieb, jekk jogħġbok?”

F’daqqa waħda ħassejt dehxa kiesħa nieżla ma’ dahri. ‘Kif kont insejt!’ għedt f’qalbi fuq medda ta’ nofs sekonda. ‘Din kien jonqos mal-ġenn li għandi! X’waħda blajt tal-ilsien twil l’għandi!’

“Eh, iva, iva, sor,” smajt ħiereġ minn fommi mingħajr ma ridt. “Għadni bil-ħsieb, dażgur. Mela aħna tfal, jew!”

“Ah, tajjeb wisq!” nefħet f’widnejja bħallikieku reġgħet bdiet tieħu n-nifs wara majnata twila. “Għandna tifel ta’ disgħa snin li se jibqgħalna hawn għax ma sibna lil ħadd li jridu u ...”

“Sor!” waqqaftha jien b’farka irritazzjoni. “Tibqax tgħidha dil-kelma li ma jridu ħadd! Kemm iżżarżar f’widnejja dil-kelma!”

“Għandek raġun,” irħietli malajr li ma mmurx nibdel il-ħsieb. “Jismu Robert. “Tista’ tiġi għalih għada filgħodu, jekk jogħġbok, u żżommu sa ġimgħatejn oħra?”

“Għa ..., Għada?” laqlaqt jien. “Iva, iva, mela le, sor. Niġi għada filgħodu. Hu jrid jiġi, hux?”

“Iva, iva,” ħatfitni. “Dażgur li jrid.” 

*     *     *

Issa għaddew mal-erbgħin sena minn dak in-nhar. Robert miżżewweġ, għandu daru, mara għaqlija, impjieg fis u żewġt itfal. Din l-istorja jafha. Għax għedthielu. Għaddejna minn ħafna hemm matul is-snin. Jien miegħu dejjem bqajt intambar fuq l-istess ħaġa, u ġieli għedtha lil uliedu mingħajr ma jafu għalfejn. Jafu biss għajnejja u għajnejn missierhom meta jiltaqgħu.

“M’hawn ħadd fid-dinja li ħadd ma jridu,” ngħid jien. “M’hawn ħadd. Xi mkien, xi darba ... dejjem hemm xi ħadd li jridek. Dejjem.”


p


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?