Dinja mgħaġġla

Bil-baġit tal-ġimgħa li għaddiet jidher li l-gvern fetaħ idu. Konna ilna ma nisimgħuha din in-nota, iżda issa, wara ħafna snin, jidher li setgħet terġa’ tibda titwettaq. U wkoll, minn żmien Mintoff ’l hawn: baġit mingħajr taxxi ġodda. Ħaġa li konna rrassenjajna lilna nfusna biex qatt aktar ma jkollna. Imma issa seħħet tassew ukoll. Madanakollu, għandu mnejn li l-aktar messaġġ mhux mismugħ ta’ dan il-baġit li ħaseb għad-dinja mgħaġġla li qed ngħixu fiha. Kulħadd għaddej bil-gass mal-pjanċa, kif jgħidu.

Ritmu dejjem jiżdied

Il-ħajja li ġejna biex nidraw hija waħda frenetika. Sirna nies imgħaġġla u għaġġiela. Jeħtiġilna nlaħħqu ma’ elf miljun ħaġa f’salt: xogħol, tfal, taħriġ, studju, trobbija, rikreazzjoni, divertiment, safar ... Il-familja li darba kienet tissejjaħ ‘tal-ġabra’ donnha sparixxiet mill-eżistenza tal-biċċa l-kbira tan-nies. Ħafna jridu jgħaġġlu u jgħaġġlu u jgħaġġlu ħa jlaħħqu ma’ kollox ... u xorta waħda ma jlaħħqux.

Din il-ħajja ma kinetx teżisti sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Iżda r-ritmu kien dejjem qed jiżdied. Għandu mnejn li dawn l-aħħar snin sploda. Minħabba t-teknoloġija, minħabba l-pressjoni, minħabba l-impenji ... minħabba ħafna affarijiet. Il-fatt jibqa’ li sirna qisna lkoll imġienen. Ħadd m’għandu ħin. Kulħadd mgħaġġel. Kulħadd irid ilaħħaq.

Il-ġejjieni aktarx ma jidhirx aħjar. Ir-ritmu għandu mnejn ikompli jiżdied. U aħna lkoll irridu nkomplu nlaħħqu miegħu. Hu ritmu għali. Jitlob prezz. U aħna niġru biex inħallsuh. U wkoll: il-prezz tiegħu qiegħed dejjem jogħla. Mhux biss f’termini monetarji jew finanzjarji, iżda wkoll f’termini fiżiċi, mentali u, jekk trid, spiritwali.

Ħin għal ħadd

Fil-baġit li nqara dil-ġimgħa ma ssibhiex għax ma nkitbitx. M’hemm xejn fuq ir-ritmu frenetiku tal-ħajja. Madanakollu, jekk taqrah jew smajtu sew, tintebaħ li dan il-ħoss qiegħed hemm fl-isfond il-ħin kollu, iżarżar wara kull sentenza u minn ġo kull paġna. Kien baġit li jrid jaħseb għar-ritmu mgħaġġel ta’ ħajjitna. Irid jgħinna nlaħħqu. Iridna la nippanikjaw, iżda lanqas nitrażżnu. Iridna nżommu r-ritmu.

Dan m’hemmx tajjeb jew ħażin fih. Hemm ir-realtà li ħloqna lkoll kemm aħna. Din hija d-dinja ġdida tagħna. Tħobbha jew ma tħobbhiex, din għandna. U rridu nagħmlu l-aħjar fiha. Ninżlulha aktarx ma nistgħux. Ninjorawha wisq anqas. Nistgħu biss ngħaġġlu l-pass bit-tama li ma nitgerrbux.

Biss dal-pass mgħaġġel ma jħalliniex inħarsu biżżejjed madwarna. Iżommna milli nistaqsu. Kważi kważi saħansitra jrażżanna milli naħsbu. Qisna magni għaddejjin b’kemm għandhom saħħa biex iżommu mal-ħtieġa tad-domanda u l-produzzjoni. Jekk il-magna ta’ maġenbna tieqaf bil-kemm kemm nintebħu. Donnu ma baqgħalna ħin għal ħadd.

Nistgħu nerbħulu

Din id-dinja mgħaġġla żżejjed għandha l-ħila teqridna. Jiġifieri teqred xi ħaġa sabiħa li għad għandna. Hija l-attenzjoni lejn xulxin. Il-gost tal-kalma. L-hena tas-skiet. Il-pjaċir tat-taħdid ras imb’ras. Is-siwi tal-kumpanija ta’ xulxin. Is-serħan tal-qari. Il-qies tal-affarijiet iż-żgħar.

Tabilħaqq, ir-ritmu li sar għandna ħajjitna ma nistgħux inrażżnuh għal kollox jew ukoll innaqqsuh. Nistgħu biss, aktarx, insibu rkejjen fejn ma jikkmandaniex u ma jagħfasx fuqna. Nintelqu għalih mingħajr ħsieb jew rażan, iġorrna miegħu. M’għandna qatt inħalluh ikun sidna. Aħna sidien tiegħu mhux hu tagħna.

L-għerf tal-Malti minn dejjem kien li jfendi taħt kull sid li jkollu. Is-sid tal-lum hu l-għaġġla, imqiegħed fuqna bħal arkużin mis-suq ħieles. Hu ħakkiem qalil. Jekk irridu nerbħulu, irridu nsibu kif. Kif hemm dejjem. Nerbħulu nistgħu.

 Agħfas fuq l-istampa t'hawn isfel
http://www.bdlbooks.com/poetry/5732-pietru-caxaru-u-l-kantilena-tieghu.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?