In-nasba tal-kompetittività

Il-kelma ‘kompetizzjoni’ saret qisha l-eqdes kelma ta’ żmienna. Aktar minn kelma. Saret qisha l-isem ta’ xi bibbja ġdida li ħadd ma jista’ jmeriha jew jitħasseb fuqha. Kollox sar qisu jsir f’isimha. Weħedha weħedha, il-kelma saret qisha ġustifikazzjoni ta’ kulm’ għandu jsir u li ’l barra minnha jew mingħajrha hemm biss il-baħħ u t-telfien.

Faqar

Tabilħaqq, għax il-kompetittività hija l-egħżeż valur tas-suq ħieles. Għal dan, kulma jkabbar il-kompetittività huwa tajjeb; kulma jnaqqasha jew itellifha hija ħażina. Kulħadd qisu f’tellieqa waħda b’opportunitajiet indaqs. Kulħadd jingħata l-istess għajnuniet għal raġuni waħda: biex itellaq ma’ ħaddieħor.

Hija hija l-gidba kbira tan-neoliberaliżmu li qed ngħixu llum. Ibda’ biex, li l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd ifissru ġustizzja, bħallikieku aħna lkoll l-istess u għandna l-istess ħtiġijiet jew l-istess ħiliet u snajja’. Il-ħrafa tal-opportunitajiet indaqs tħalli liż-żgħir jaqa’ lura u lill-kbir ilebbet ’il quddiem.

F’suq ħieles, fejn min jiflaħ jiġri jistgħana u min ma jiflaħx jitfaqqar, il-kompetittività taqta’ nifs iż-żgħir u ġġib iżgħar milli diġa’ hu. In-neoliberaliżmu jxejjer il-bandiera tal-opportunitajiet indaqs biex jaħbi l-krudeltà tiegħu u n-nuqqas ta’ qalb li għandu għal min hu żgħir u żvantaġġjat mill-bidu ta’ kull tellieqa.

Firda

Il-kompetittività tiftaħar li, f’dinja fejn is-suq ħieles, imrewwaħ min-neoliberaliżmu, iħalli lil kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex itellaq mill-aħjar li jista’. Imma min ma jistax? Ir-raġuni tgħidlek li ż-żgħir jenħtieġ l-għajnuna. Imma s-suq ħieles mhux hekk jgħidlek. Jgħidlek li min ma jtellaqx, it-tort hu tiegħu.

Is-suq ħieles qatt ma jiddubita lilu nnifsu. Jagħti dejjem it-tort lin-nies. Jgħid li n-nies huma għażżenin, ma jridux jistinkaw, m’għandhomx rieda tajba. Is-suq ħieles dejjem iweħħel fin-nies, speċjalment liż-żgħir, mingħajr qatt ma jagħti t-tort lis-sistema kattiva u bla qalb tal-kompetizzjonijiet.

Is-suq ħieles dejjem inassas lin-nies kontra xulxin. L-ewwel ma jagħmel hu li jifridhom minn xulxin, u jġegħilhom jiġru lkoll weħedhom. Imbagħad ikeskishom kontra xulxin, biex min jilħaq jilħaq u min ma jilħaqx jibqa’ l-art.

Mibegħda

Jien konvint li l-kompetittività m’għandha xejn etiku. Min jemmen fis-suq ħieles, fit-trijonf tal-kapitaliżmu u fin-neoliberaliżmu ma jistax jaqbel miegħi. Jgħidlek li hu tajjeb li kulħadd itellaq; li hu tajjeb li kulħadd jistinka u jaqta’ bi snienu; li hu tajjeb li n-nies jiġru ’l quddiem kulħadd għalih.

Imma dan it-tajjeb ma fih ebda moralità fih. Jivvantaġġja lil min hu diġà vvantaġġjat u jiżvantaġġja lil min hu żvantaġġjat. Agħar minn hekk, ikompli jkabbar l-iżvantaġġ tal-kbir u l-iżvantaġġ taż-żgħir. Dan jagħmlu mingħajr ħniena ta’ xejn għal ħadd.

Is-suq ħieles, bil-manija neoliberali tiegħu tal-kompetittività, jobgħod lin-nies għax iqis lil kulmin hu dgħajjef għadu tal-progress, il-ġid u l-prosperità. Hu teorija immorali li, flok jemmen fil-ġustizzja, jgħolli ’l fuq dejjem u dejjem aktar is-suċċess individwali u egoistiku.

Dmirna

Is-soċjetà tagħna, li fiha nżergħet iż-żerriegħa tal-ħniena, illum tilqa’ din il-falzità b’idejha miftuħa u tiċħad il-valuri tal-ħniena. Illum, iż-żgħir m’għandux ħajt ta’ kenn fis-sistema ekonomika u politika li ġġenninna warajha. Għandu biss il-krudeltà tal-ispekulatur u l-qalb iebsa tal-wikkiel u r-rgħib.

Aħna lkoll għandna d-dmir li niċħdu l-kompetittività li tħalli mijiet, jekk mhux eluf, jaqgħu lura u jinftaqru mis-sistema. Għandna d-dmir li nsejħu l-ħażen b’ismu. Għandna d-dmir li niddenunċjaw lil min qed jagħmel minn kollox u kemm jista’ biex jimla’ l-qlugħ tas-sinjur u jitfa’ l-mewt qawwi f’wiċċ il-fqir.

Hi l-karba ta’ dal-fqir li ssejħilna biex niskunġraw din-nasba qarrieqa tal-kompetittività bla qalb.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?