Il-ħniena lis-sid

Dan il-kliem, “Il-ħniena lis-sid”, jagħmel sehem mill-innu nazzjonali. Huwa kliem li nkiteb qabel it-tibdiliet industrijali tal-moviment tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex. Illum, kważi mitt sena wara li nkiteb l-innu, dawn il-kliem donnu se qed ikollu jerġa’ jibda jintuża frisk frisk, qisu l-mitt sena ta’ bejnu u bejnna ma swew għal xejn. Mhux ħniena rridu, iżda jeddijiet.

Kisbiet mitlufa

Meta nkiteb l-innu Malti minn Dun Karm Psaila fl-1921, id-drittijiet li mbagħad inkisbu mill-moviment tal-ħaddiema f’Malta u Għawdex kienu għadhom ’il bogħod. Kellu raġun Dun Karm biex f’dan l-innu mill-isbaħ idaħħal dan il-kliem. Għax l-uniku paraventu tal-ħaddiem f’dak iż-żmien kienet il-ħniena. Din kienet il-linja li tofroq il-miżerja minn xi ftit tal-kuntentizza fil-ħajja ta’ eluf ta’ ħaddiema.

Imdakkrin mill-kisba tad-drittijiet industrijali f’pajjiżi qrib tagħna, speċjalment fl-Italja u fl-Ingilterra, iżda f’inħawi oħra wkoll, il-ħaddiem Malti u Għawdxi beda bil-mod il-mod iqum biex jagħraf min hu u x’kienu l-jeddijiet legali li għalihom kellu d-dritt. Il-bidla tassew bdiet isseħħ mis-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor ’il quddiem u laħqet il-quċċata fis-sebgħinijiet.

Iżda fid-disgħinijiet, bejn wieħed u l-ieħor f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, dawn id-drittijiet reġgħu bdew jitnaqqru. Mhux neċessarjament b’mod formali jew legali, iżda aktar konkretament u fil-prattika. Ir-raġunament u l-prattiki tas-suq ħieles, li jimla l-qlub tas-sidien tax-xogħol b’kilbiet ta’ regħba, raw kif jagħmlu u reġgħu bdew jagħasru ’l ħaddiem.

Il-ħaddiem magħsur

Jagħasru ’l ħaddiem! Din x’kelma hi fl-2017? F’pajjiż li fih għeriqna l-għaraq tad-demm biex tajna l-ġieħ lill-ħaddiema kollha! Dan il-kliem ma jixraqx lil żmienna! U tabilħaqq, ma jixraqx, imma jgħodd. Għax illum, minkejja l-miljun liġi li teżisti fuq il-kotba, u bl-iżvilupp kollu li għamilna, il-ħaddiem qed jiġi magħsur bħal lumija ... u bi qrusa daqsha.

Huwa tassew riżq ħażin, jew pjan imxajtan, li bil-qajla l-qajl il-ħaddiema qed jerġgħu jibdew iridu jiddependu fuq il-ħniena tas-sidien u mhux fuq il-protezzjoni tal-liġi. Il-kisbiet tal-imgħoddi qed jinġiebu fix-xejn bil-mod il-mod, mingħajr ħadd ma jintebaħ, u l-ħaddiema qed jerġgħu jispiċċaw mingħajr ħitan ta’ kenn.

Illum lil ebda ħaddiem ma tarah imċerċer jew, agħar minn hekk, jittallab, bħalma diżgrazzjatament kellna fl-imgħoddi. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li l-ħaddiem qiegħed sew, li għandu l-jeddijiet tiegħu mħarsa jew li ħajtu hija fiż-żgur. Dan jagħmel lis-sitwazzjoni aktar perikoluża u mkabra minn qabel, għax qabel il-faqar kont tarah u tmissu, mentri llum hu mistur u moħbi.

Ġustizzja, mhux ħniena

L-agħar ħaġa f’dan kollu hu l-ħaddiem qed ikollu jibqa’ jaqdef waħdu. Kien kontra dan li l-kisbiet tal-moviment tal-ħaddiema ħadmu u stinkaw. Biex il-ħaddiem ikun magħqud u ma jibqax mifrud minn sħabu. Għax l-għaqda kellha s-saħħa u s-solidarjetà kellha l-forza tal-bidla. Il-ħaddiem li jbati waħdu għandu triq iebsa wisq biex ma taqtagħlux qalbu.

Ħafna ħaddiema llum f’kull settur, pubbliku daqskemm privat, qatgħu qalbhom li l-istituzzjonijiet jistgħu jgħinuhom. Jew li tistgħu jgħinuhom il-jedd u l-liġi. Ħafna ħaddiema qed jipperswadu lilhom infushom, u ma tagħtihom tort, li m’għandhomx min jaqbeż għalihom jew jiddefendihom. Allura jridu jaħsbu għal rashom.

Din is-sitwazzjoni dejjem aktar gravi mhijiex sies tajjeb li fuqu tinbena l-ekonomija tal-pajjiż jew il-kuntentizza tal-poplu. Biha l-prosperità titnawwar u tisfronda l-qiegħ tagħha. Pajjiż tabilħaqq b’saħħtu ma jistax jippermetti li l-ħaddiema tiegħu jridu jerġgħu jirrikorru għall-ħniena tas-sid.

Ġustizzja. Mhux ħniena.

https://maltaonlinebookshop.com/product/min-jghidu-n-nies-li-jien/

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever