Il-ħarsien tal-ħaddiem


Il-100 sena li għalaq imwaqqaf il-Partit Laburista Malti dil-ġimgħa, nhar il-Ħamis li għadda, ifakkarna mhux biss fil-ħarsien tal-ħaddiem fl-imgħoddi imma wkoll f’li ġej. Il-ħaddiem dejjem se jsib lil min jipprova jisfruttah. Għalhekk dejjem se jkollu lil min iħarsu, lilu u lill-familja tiegħu. Jalla fil-Gżejjer Maltin dan jibqa’ jagħmlu dejjem il-Partit Laburista.

Ħaddiema lkoll

L-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Partit Laburista mhuwiex anniversarju ċelebratorju biss. Mhuwiex qiegħed biex joqgħod ifakkar l-imgħoddi, wisq anqas biex jigglorifikah. Hu ċentinarju li, jekk xejn, jurina li l-hemm li għad għandu llum il-ħaddiem fil-Gżejjer Maltin għalxejn għaddew das-snin kollha, għax għadu bihom. Dan għaliex l-imgħoddi jirrepeti ruħu jekk ma nitgħallmux minnu.

Il-ħaddiem fil-Gżejjer Maltin hu llum differenti ħafna minn dak ta’ mitt sena ilu. Imma bosta mill-problemi tiegħu għandhom l-istess għeruq. Jekk xejn, għandhom mill-istess sfruttament li kien hemm fl-imgħoddi imma b’wiċċ ieħor. L-aljenazzjoni li l-ħaddiem dejjem isofri mhux ħtija tiegħu, imma ħtija u kawża ta’ min jabbużah u jisfruttah.

Inbidel ukoll il-ħaddiem innifsu. Illum m’għadux ħaddiem Malti u Għawdxi biss. Huwa ħaddiem ukoll barrani li jfittex f’pajjiżna l-ħobża tiegħu u ta’ familtu. Dan ukoll huwa ħaddiem li jeħtieġ il-ħarsien. Dan ukoll għandu jkollu l-Partit Laburista jieqaf miegħu u jiddefendi mill-oppressjoni u l-isfruttament.

Fażijiet

Fuq medda ta’ mitt sena, il-partit ma baqax l-istess. Għadda minn diversi fażijiet, l-aktar tlieta. B’mod ġenerali ħafna, kien hemm il-fażi ta’ qabel Mintoff, bejn l-1920 u l-1944; il-fażi ta’ Mintoff, bejn l-1944 u l-2008; u l-fażi ta’ wara Mintoff, mill-2008 sal-lum.

Jekk tinnota, it-tieni fażi mhijiex skont id-dati ta’ meta Mintoff laħaq kap tal-partit (1949) u ta’ meta spiċċa (1984). Huma skont l-influwenza li Mintoff kellu fil-partit, li bdiet qabel ma laħaq kap tiegħu u ntemmet sew wara li spiċċa minn kap. It-tielet fażi tibda b’Joseph Muscat, li ttrasforma l-partit mgħaġġen minn Mintoff.

Dal-fażijiet jistgħu jgħinuna nifhmu kif il-partit matul iż-żminijiet adatta ruħu għaċ-ċirkustanzi differenti li l-ħaddiem sab ruħu fihom. B’hekk wera li hu dejjem aġġornat, modern u lest li jkun tal-aqwa servizz. Il-partit qatt ma beża’ mill-bidla, imma lanqas qatt ma beża’ wkoll mill-kritika li twassal għall-bidla, jew mill-kritika li żżommu fidil għall-iskop tal-eżistenza tiegħu.

Ittra ta’ twissija

Dan għadu għaddej sal-lum. L-ittra li ntbagħtet il-ġimgħa li għaddiet lill-Prim Ministru u ’l-Kabinett Laburista fuq it-twemmin li l-Kostituzzjoni għandha titħares mill-preżenza ta’ qawwiet militari barranin fil-gżejjer Maltin hija eżempju tajjeb ta’ kif il-kritika tħares lill-partit u, f’dal-każ, il-gvern immexxi minnu, milli jonqos mid-dmirijiet tiegħu.

Il-partit li jagħti widen għal kritika bħal din, jiġifieri kritika li trid il-ġid lilu daqskemm lil pajjiżna, huwa partit ħaj, sensittiv, attentent għall-ħtiġijiet tal-kotra u lest li jservi bl-aqwa mod. Partit b’mandat elettorali li jibqa’ jisma’ mill-elettorat huwa partit li jistħoqqlu r-rispett. Imma mhux jekk ma jismax; mhux jekk ma jagħtix widen.

Tul il-100 sena tiegħu, il-Partit Laburista ssaħħaħ meta baqa’ intonat mar-rieda tal-poplu, imma waqa’ lura u saħansitra tilef it-triq meta ma baqax. Dal-100 sena għandhom iżidu r-rieda li dal-partit jibqa’ jħares lill-ħaddiem f’daż-żminijiet differenti minn qatt qabel, u ma jħallix l-interessi li jbegħduh mill-kotra jirkbu fuq rasu.

Mitt sena għaddew, u mitt sena jibdew. Jalla dal-partit jagħtihom ġieħ ilkoll.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?