Lura għal-laburiżmu konservattiv?


Il-liġi tal-ugwaljanza li tinsab pendenti quddiem il-parlament aktarx għadha pendenti proprju minħabba t-temerità ta’ xi whud li jmexxu ’l quddiem agenda li ma togħġobx lill-konservattivi u jibżgħu li jaqilgħu l-kritika fuqha. Dan hu laburiżmu ġdid li qed naraw? Huwa l-laburizmu konservattiv li jirrovina kull aġenda xellugija? Dal-gvern m’għandux mandat elettorali bħala għandu biex joqgħod jibża’.

Ħolqa ta’ kuraġġ

Tnejn mill-abbozzi li jinsabu mweħħlin fil-kuruduri tal-parlament huma tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza u tal-Liġi dwar it-Twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. It-tnejn huma t’importanza kapitali għad-drittijiet ċivili u politiċi ta’ biċċa kbira minna; jekk mhux għalina direttament, ċertament għal ħaddieħor.

Dal-gvern għandu l-obbligu li jmexxi daż-żewħ abbozzi ’l quddiem u jgħaddihom b’liġi kemm minħabba li qed ikompli l-mandat li ngħata Joseph Muscat fl-2017 kif ukoll għax huwa laburista bi storja ta’ mitt sena kuraġġ u riskji. Dal-gvern mhuwiex tan-najxi u l-patetiċi. Huwa gvern li għandu l-mandat u l-istonku biex jissogra. Mela ħa jissogra. Mhux għalih innifsu, imma għaċ-ċittadini ż-żgħar u l-minoranzi tiegħu.

Dal-gvern hu l-aħħar ħolqa ta’ Mintoff, Mifsud Bonnici, Sant u Muscat ⸻ li ebda wieħed minnhom ma kien beżżiegħ. Kull wieħed minn dawn għamel li kellu jagħmel b’kuxjenza u intellett safja. Dan hu l-wirt ta’ dan il-gvern laburista li għandna, u lkoll nistennew minnu li jkollu l-istess kuraġġ, qlubija u awdaċja li l-Partit Laburista jġib f’ismu.

Tħejjija kbira

Il-laburiżmu konservattiv huwa nuqqas tal-ideali tal-Partit Laburista u tal-gvernijiet KOLLHA laburisti ta’ qabel. Kieku kienu fil-gvern xi wieħed mill-mexxejja laburisti ta’ qabel, ibda minn Mintoff u spiċċa b’Muscat, daż-żewġ abbozzi ilhom il għaddew mill-fażijiet kollha li jeħtieġu biex isiru liġijiet.

It-tħejjija għalihom ma kinetx żgħira. L-abbozzi huma riżultat ta’ xejn inqas minn tliet konsultazzjonijiet pubbliċi, ta’ djalogu fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), ta’ djalogu fl-Bord għar-Relazzjonijiet tax-Xogħol (ERB), kif ukoll riżultat ta’ bosta konsultazzjonijiet bilaterali, inkluż mal-Knisja Kattolika, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) u l-junjins tal-ħaddiema.

L-abbozzi għaddew ukoll minn proċess ta’ skrutinju mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li tistħarreġ in-natura tal-liġi kostituzzjonali fid-demokraziji Ewropej, u għaddw ukollminn konsultazzjoni internazzjonali mal-Offiċċju tal-Kummissjarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-Ġnus Magħquda, il-Kunsill tal-Ewropa, ix-Xibka Ewropea ta’ Korpi għall-Ugwaltà (EQUINET) u x-Xibka Ewropea ta’ Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI).

Nirriskjaw

Minkejja dax-xogħol kollu, xorta waħda għandek mnejn issib gvern li jibża’. Il-biża’ mhijiex prudenza. Il-biża’ hija nuqqas ta’ sogru. Il-biża’ hija attitudni ta’ xi ħadd li dejjem jilgħab billi jiddefendi. Il-biża’ hija proprju tal-konservattiviżmu u tal-laburiżmu konservattiv. Il-biża’ hija dubji fuq l-ideali. Il-biża’ hi għotja ta’ siwi żejjed fuq ir-riskji.

Mela jista’ jkollok xi ħaġa mingħajr riskji fid-dinja? Imma l-innovatur, ir-riformista, il-laburista mhux talli ma jibżax mir-riskji, imma talli jidħol għalihom ⸻ imbasta biex jaqbeż u jiddefendi ż-żgħar, u biex iħarsu mid-diskriminazzjoni, l-isfruttament u l-moħqrija.

Il-kwistjoni mhijiex għandux ikun hemm provvediment għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza jew le; mhijiex li xi skejjel għandhomx jitħallew liberi li jagħżlu lil min iħaddmu jew le; mhijiex jekk il-liġi tal-ugwaljanza tkunx superjuri għal liġijiet oħra ... hija kwistjoni jekk għandux il-laburiżmu tal-lum jaqbeż fejn jilħaqlu jew fejn ma jilħaq lil ħadd.

Fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ kuraġġ. Hija kwistjoni li nirrisjkaw. Iva, hija kwistjoni li nissograw li niżbaljaw ukoll.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?