Il-jien u l-aħna

Illum kollox donnu sar jiffoka fuq il-‘jien’. Is-siwi tal-‘aħna’ qisu ntemm jew intilef. Il-‘jien’ isus fuq l-individwu. L-‘aħna’ fuq il-kollettiv. Qabel jidher li kien hemm tisħiq biss fuq l-‘aħna’. Issa, minn estrem morna għal ieħor: it-tisħiq huwa kollu kemm hu fuq il-‘jien’. Is-sabiħ tal-ħajja umana, aktarx, la hija l-jien biss u lanqas l-aħna biss; hija t-tnejn flimkien b’qima ta’ xulxin.

Il-‘aħna’

Dari l-individwi kienu jiġu ssagrifikati għall-kollettiv. Il-kollettiv, jiġifieri s-soċjetà, il-familja, ir-raħal, il-knisja u kull għaqda oħra li tiġbor il-bnedmin, kien abbużat. Dan għax il-kollettiv kien jitqies qisu kien xi ħaġa assoluta, xi ħaġa li kull individwu jeħtieġ li joqgħod għalih. Kull individwalità kienet mistennija li tisparixxi u tieħu postha mal-kollettiv.

Kien il-kollettiv li jagħti l-identità lil kull individwu. Għalhekk, ebda individwu ma kellu l-jedd li jeżisti għalih innifsu jew għalih waħdu. Kulħadd kellu sehemu u postu, kulħadd kellu l-identità tiegħu, fil-qafas tal-aħna. Ebda jien; aħna biss. L-individwalità kienet iddub u tisfuma fil-kollettiv. Dan kien li jagħmel jew ikisser in-nies; ħadd ma seta’ jeżisti ’l barra minnu.

Il-kollettiv kien tirann fuq kulħadd. Għalkemm ftit kienu jkunu dawk li jiddubitaw minnu, meta kien jinqala’ xi ħadd li jisħaq fuq l-individwalità tiegħu jew tagħha, jew imqar ma jaqbilx jew ma taqbilx f’kollox mal-aħna, allura arahom jiġu ppersekwitati u maħqura bl-iskop li, jew jidentifikaw mal-aħna, jew jiġu mibżuqa ’l barra bħala biċċa innaturali u moqżieża.

Il-‘jien’

Qabel l-aħna kien jiddoma lill-jien. Illum morna fl-estrem l-ieħor. Illum, ħtija tar-reliġjon tas-suq ħieles, allaħares xi ħadd isemmi l-aħna jew il-kollettiv, għax qisu qed jgħid l-akbar oxxenità. Illum drajna l-kredu tas-suq ħieles li jgħidlek: kulħadd għalih, kulħadd jaqdef għal rasu, ħallik minn ħaddieħor, viva l-individwalità! Bħal kull reliġjon oħra, dal-kredu jeżisti biss biex ir-reliġjon innifisha tibqa’ tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.

L-individwalità, jiġifieri s-siwi individwali ta’ kull wieħed u waħda minna, hija ta’ min iqimha tabilħaqq. Kull persuna għandha s-sabiħ tagħna, l-identità tagħha u l-ispeċjalità tagħha. Imma dan ma jfissirx li kull individwalità għandha tkun assoluta, bħalma qabel kienet assoluta l-kollettività. Imma llum, fl-estrem li fih ninsabu, il-kollettività ma titqies xejn; anzi, hi xi ħaġa li għandna nwarrbuha.

Hija biss fantasija li l-individwalità tista’ teżisti mingħajr il-kollettiv. Ma jista’ jkollok ebda jien mingħajr aħna. Dan għax il-jien ta’ kull wieħed u waħda minna jissawwar bl-aħna. Hija l-aħna l-omm u l-missier ta’ kull jien. Mingħajr l-aħna ma jista’ jkollok ebda jien.

Flimkien

Bħalma qabel kien ħażin li l-individwalità tkun skartata u mibgħuda, hekk illum hu ħażin li jiġi skartat u mibgħud il-kollettiv. Qabel kien żaħin li l-individwi jkollhom bilfors jikkonformaw mal-kollettiv; imma daqstant ieħor illum hu ħażin li jeżistu biss l-individwalitajiet mingħajr il-kollettiv.

Fejn m’hemmx kollettiv ma jistax ikollok l-għaqda. U fejn m’hemmx għaqda ma jistax ikollok is-saħħa. U fejn m’hemmx saħħa ma jistax ikollok il-ħarsien tal-individwu. Min jippriedka l-individwalità bi ħsara għall-kollettiv qed iqarraq; għax l-individwalità m’għandha ebda ħajt ta’ kenn mingħajr il-kollettiv. Ħadd ma jista’ jikber waħdu jew tikber weħidha. Waħdu, kull bniedem imut. Is-suq ħieles jippriedka li l-individwalità hija assoluta għax jibża mill-kollettiv; jaf li l-kollettiv jeqirdu jew għall-anqas idgħajfu.

Il-jien hu sabiħ daqs l-aħna; it-tnejn jeżistu flimkien u għal xulxin. It-tnejn isebbħu wieħed lill-ieħor. Mingħajr ma jqim l-aħna, ebda jien ma jista’ jikber u jisħiħ; l-istess bħalma mingħajr ma jqim il-jien ta’ kull bniedem, l-ebda aħna ma jista’ jkun ta’ ġid lil ħadd.

Il-jien u l-aħna maħluqa għal xulxin.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?