L-illużjoni tal-kontroll

Waħda mill-affarijiet li wrietna dil-imxija hija li ftit għandna kontroll fuq bosta affarijiet. L-imxija tikkmanda hi. Warajha tiġi xi oħra. Imma dejjem nibqgħu nemmnu li l-kontroll hu f’idejna; li aħna nikkontrollaw l-affarijiet. Din l-illużjoni ngħixu biha tant b’kunfidenza li saħansitra ssir delużjoni.

Mingħajr kontroll

Il-kontroll fuq ħajjitna huwa wieħed mill-aktar affarijiet għeżież li għandna. Mill-kontroll tiġi s-sigurtà, u mingħajr sigurtà ma jista’ qatt ikollna l-paċi jew l-hena. Aħna nkunu kuntenti u hienja meta nafu li għandna kontroll ta’ ħajjitna. Hekk biss inħossuna żguri minna nfusna u protetti mill-ħafna perikli li jista’ jkun hemm madwarna.

Għalina l-kontroll ifisser li mmexxu ħajjitna kif u ’l fejn inħossu li hu l-aħjar; li nħarsu fuq uliedna bl-aqwa mod possibbli; li nippjanaw il-familja, il-ħidma, l-impjieg, il-mistrieħ u l-ġejjieni tagħna; li naraw li l-aktar l-affarijiet li nżommu b’għeżież ikunu taħt il-ħarsien, il-gwida u r-rieda tagħna.

Is-soċjetà tagħna llum tagħtina ħafna possibbiltajiet biex aħna nħossu l-kontroll li għandna. Dak il-kontroll aħna nħobbuh, infittxuh, ngħożżuh u niddefenduh. Nafu li nkunu nistgħu nibqgħu ngħidu li ħajjitna hi tagħna biss meta jkollna l-kontroll fuqha. Mingħajr kontroll, ħajjitna ssir ta’ xi ħadd jew xi ħaġa oħra.

Il-kburija u d-dinjità umana

Meta jiġri hekk, jiġifieri meta għal xi raġuni jew oħra nitilfu l-kontroll fuq ħajjitna, aħna nimtlew bl-imrar u aktarx saħansitra bl-għadab. Meta l-kontroll jitteħdilna minn idejna, inħossuna mitlufa, qisna qegħdin f’nofs ta’ baħar mingħajr tmun bil-mewġ u l-ijiħat jagħmlu festa bina. Dan ma jistax jogħġobna.

Aħna nagħmlu minn kollox biex ħadd u xejn jekk jista’ jkun ma jeħdilna l-kontroll li għandna fuq ħajjitna u fuq l-għeżież tagħna. Aħna ma nħallu ’l ħadd u ’l xejn jekk jista’ jkun jhedded jew jieħu s-sigurtà tagħna u l-hena tagħna. Irridu l-kontroll f’idejna. Mingħajru m’aħniex nies.

Minn hawn tiġi l-kburija u d-dinjità tagħna. In-nuqqas ta’ kontroll, żgħir jew kbir, jumiljana. Meta nitilbu r-riedni ta’ ġisimna, ta’ saħħitna, ta’ familtna, ta’ dak li ngħożżu u nħobbu, allura nitilfu magħha dak li jagħmilna bnedmin ta’ ġieħ. Ikreh għalina dat-telfien. Ħafna drabi lanqas biss naħsbu fuq li jista’ jseħħ f’ħajjitna.

L-għożża tal-kontroll

Madanakollu, iseħħ. Kemm-il darba, mingħajr ma bosta drabi nkunu nafu kif, jaħarbilna l-kontroll. Il-mard, xi vizzju, xi drawwa, xi għadab, xi dejn, xi saram, xi aċċident ... hu x’inhu, jista’ jieħu minn idejna l-kontroll li tant hu meħtieġ għalina. Bħal dil-imxija, li fl-imgħoddi oħrajn bħala―l-ispanjola, il-poljo, id-deni rqiq, it-TB, il-lebra, il-pesta―kollha għamlu bħalha biex ifakkru lill-bniedem li l-kontroll li jgħid li għandu fuq ħajtu hi illużjoni, gidba, tqarriqa waħda mill-kbar.

Dan aħna ma nistgħux nisimgħuh. Ma nieħdu gost b’ħadd u b’xejn li jfakkarna li l-kontroll li naħsbu li għandna fuq ħajjitna hi biss fantasija. Madanakollu, hi fantasija li nipprefu ngħixu biha milli li ngidbuha. Aħjar ngħixu hienja b’gidba, jirraġunawlek xi wħud, mill-mnikkta bil-verità. Dan-nies aħjar jistħajlu milli jifhmu.

Kontroll għandna, imma huwa hekk dgħajjef u rqiq li, malli jiġi l-għawġ, jintemm bħal sħaba trab li ddub mar-riħ. Il-ftit kontroll li għandna nagħmlu l-aħjar li nistgħu bih; xi wħud anki jabbużawh. Imma tgħid lil ħadd li hu illużjoni u gidba. Din hi d-delużjoni tagħhom: li jemmnu li l-kontroll hu dejjem sħiħ u qawwi.

Meta taf li l-kontroll li għandek jista’ jittieħed f’sekonda, tgħix mhux mingħajru, imma bl-għożża tiegħu għax taf li llum hawn u għada telaq. Aħjar tgħix umli milli tispiċċa tiġi umiljat jew umiljata.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?