Proponimenti post-viru

Waqt li s-saħna tal-kornuviru tidher qed tnaqqas, moħħ kulħadd donnu diġà dar biex jaħseb fil-“post”, jiġifieri fiż-żmien ta’ wara l-imxija. Dan hu naturali wara tant ġimgħat irtirati. Għaldaqstant, bħalissa hu ż-żmien li fih jitfaqqsu l-proponimenti.

Kollox ixebba’

Ma’ kulmin tiltaqa’, ukoll jekk huma tassew ftit, issib lil min jgħidlek, “Meta jispiċċa dal-kornuviru nagħmel hekk ...”, “Meta tieqaf dil-imxija nagħmel l-oħra ...” jew “L-ewwel ħaġa li nagħmel meta kollox jerġa’ jiġi għan-normal hija ...”

In-nies xebgħet ġewwa. Ma tagħtihiex tort. Ukoll it-tfal bla skola ddejjqu, aħseb u ara l-kbar, u xejn anqas l-anzjani. “Kemm se ddum taqra!” jgħidulek. “Kemm se ndum insajjar?” “Kemm se ndum innaddaf fejn ġa naddaft!” “Kemm se ddum tara t-televiżjoni!”

B’kollox jixba’ l-bniedem meta jagħmlu kontra qalbu. Għall-ewwel xi wħud ħadu pjaċir joqogħdu d-dar b’ħafna ħin ħieles fuq idejhom. Imma mbagħad, malli bdew igerrbu l-jiem u l-ġimgħat, ukoll dan-naqra pjaċir sar toqol li bil-kemm bniedem jissaportih.

Tama għal wara

Wara dal-ġimgħat kollha, donnu tarf il-mina qed jidher xi ftit. Malli l-għadd ta’ nies infettati beda, għall-grazzja t’Alla, jonqos sew―u saħansitra f’Għawdex sparixxa għal kollox―allura kulħadd beda donnu jagħmel il-qalb u jażżarda jittama.

Dawn issa huma l-jiem tat-tama mġedda li kollox se jgħaddi b’wiċċ il-ġid. Tabilħaqq, meta tintemm l-imxija fil-Gżejjer Maltin aktarx tkun għadha tħeġġeġ f’ħafna pajjiżi oħra, u hekk il-periklu ma jkunx għadda. Imma għallanqas inkunu nistgħu nerġgħu nibdew bil-mod il-mod naqbdu mill-ġdid ħajjitna.

Dit-tama qed iġġib magħha l-proponimenti ta’ x’se nkunu qed nagħmlu wara l-imxija. Għal xi wħud din għandha x’taqsam ma’ ħwejjeġ ta’ gost u pjaċiri li jkunu draw bihom. Għal oħrajn, l-aktar għal dawk li n-negozju tagħhom sofra ħafna f’dal-ġimgħat li għaddew, il-proponimenti mhumiex daqshekk feliċi. Iridu jagħmlu tajjeb għat-telf li ġarrbu.

Saqajk fl-art

Ix-xorti tal-proponimenti li bħalissa qed jinbtu f’moħħ ħafna nies aktar tkun bħal dik li ħafna minna nagħmlu mal-bidu ta’ kull sena. Dawk ikunu xewqat jew tixniq għal affarijiet li niddejqu mingħajrhom. Dal-ġimgħat li għaddew ġegħluna noqogħdu neqsin minn ħafna affarijiet, fosthom il-kumpanija ta’ xulxin u l-ħruġ. Dan-nuqqas irridu nimlewh.

Bniedem, però, għandu jqis x’proponimenti jagħmel. Dawn m’għandhomx ikunu kollha vojta jew superfiċjali. Fil-ġimgħat li għaddew ilkoll ħassejna n-nuqqasijiet tagħna, imma mhux in-nuqqasijiet kollha kienu tal-istess kwalità. Għandu mnejn il-ġimgħat li għaddew urewk li għalik xi affarijiet huma aktar importanti minn oħrajn. Dal-affarijiet m’għandekx tinsihom kif ġieb u laħaq.

Bniedem lanqas m’għandu jagħmel proponimenti impossibbli. Persuna għandha żżomm saqajha fl-art ukoll f’dan iż-żmien ta’ tbatija u tamiet. Aħjar proponiment wieħed possibbli milli elf impossibbli. Għalhekk, għażel fost dak li tixtieq, u ara li dak li tixtieq ikun fost l-aħjar għalik jew għal ħaddieħor.

Bil-għaqal

Kull bniedem għandu t-tendenza li malajr jinsa l-hemm li jkun fih meta dan jintemm. Bil-kornuviru mhux se jkun differenti. Ara x’għaġeb qed jagħmel kulħadd! Fi ftit żmien kollox jintesa u kull bniedem jerġa’ lura għal li kien. Dejjem hekk kien u dejjem hekk se jibqa’.

Għalhekk, agħmel proponimenti. Imma għamilhom bil-għaqal. Għax jekk tagħmilhom addoċċ, ikun qisu m’int qed tagħmel xejn. Malli jintemm iż-żmien il-ħażin, kollox jintesa.

Dal-hemm jgħaddi, kif qed naraw. Imma tħallihx ikun ġie u telaq għalxejn.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?