Ideoloġija żero

Jidhirli li għadda biżżejjed żmien biex jinbeda stħarriġ kemxejn fid-dettall tal-kampanja elettorali għall-mexxej tal-Partit Laburista li kellna tul Diċembru u Jannar li għaddew. Hemm bosta aspetti li wieħed jista’ jistħarreġ f’kampanja bħal din. Hawnhekk se nagħżel li nitħaddet fuq fuq dwar il-kontenut tad-diskorsi li saru fuq medda ta’ madwar xahar u nofs minn Chris Fearne u Robert Abela, iż-żewġ kandidati tal-kampanja.

Qabel xejn

Qabel xejn, għandi ngħid tliet affarijiet preliminari. L-ewwel nett, li jien personalment smajt id-diskorsi kollha taż-żewġ kandidati. Jekk ma smajthomx direttament mill-ewwel fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, smajthom irrekordjati. Imma għamilt punt li nismagħhom kollha.

It-tieni, ngħid ukoll li teknikament il-kontenut tad-diskorsi taż-żewġ kandidati ma kienx ivarja wisq. Għalhekk, ma nħossx li għandi għalfejn nofroq bejn id-diskorsi tal-wieħed u d-diskorsi tal-ieħor. Mil-lat tekniku, jiġifieri mill-proċedura sistematika tal-ideat, id-diskorsi taż-żewġ kandidati kienu xi ftit jew wisq tal-istess sura.

It-tielet, biex wieħed jistarreġ jew janalizza d-diskorsi mil-lat ta’ struttura, irid jiddetermina bejn wieħed u l-ieħor l-elementi ewlenin li jkunu qed isawru d-diskorsi. Dan hu meħtieġ għax, minħabba li d-diskorsi taż-żewġ kandidati ma jidhrux li kienu mħejjija minn esperti fil-qasam tal-elokwenza, ħafna drabi l-kandidati qabżu minn element għal ieħor b’mod diżordnat. Għalhekk, wieħed irid jagħraf dawk l-elementi ewlenin, jislithom, jiġborhom ġemgħa waħda, u janalizzahom flimkien. Ikun jista’ wkoll jeħdilhom il-ħin.

Tliet elementi ewlenin

Kien hemm erba’ elementi ewlenin li fihom id-diskors kollha tal-kandidati jistgħu jiġu mistħarrġa. Se nfissirhom wara xulxin fl-ordni ta’ inċidenza. (1) L-ewwel element huwa dak kuntestwali, jiġifieri meta l-kandidat jgħid xi kliem fuq il-post partikulari ta’ fejn ikun qed jitħaddet (il-Fgura, in-Nadur, eċċ.) u fuq in-nies li jkollu quddiemu (bdiewa, żgħażagħ, nisa, eċċ.). Għalkemm element importanti f’kampanja, huwa l-aktar superfiċjali u l-aqsar. Bħalma turi x-xbieha, jien ikkalkulajt li ħa mal-5% biss tal-ħin kollu tad-diskorsi.

(2) It-tieni element, li nikkalkula li ħa mal-10% tal-ħin kollu utilizzat, huwa dak ‘sitwazzjonali’, jiġifieri meta l-kandidati tkellmu fuq is-sitwazzjoni kurrenti. Fil-biċċa l-kbira tagħha, din il-parti tad-diskorsi kienet fuq ir-raġunijiet sfortunati li wasslu għall-bidla tal-mexxej tal-partit. F’ċirkustanzi aktar pożittivi, dal-element kien jieħu gidma ħafna akbar mill-ħin, imma l-kandidati ġustament żammewh għall-aktar minimu possibbli.

(3) It-tattiċi politiċi proposti mill-kandidati kienu s-suġġett ewlieni tat-tielet element. Meta wieħed iqis li l-mexxej il-ġdid tal-partit kellu mill-ewwel ikun ukoll prim ministru, allura wieħed għandu mnejn jistenna li dal-element jieħu ferm aktar minn 25% tal-ħin użat. Imma dan aktarx ġara għax il-kandidati wrew it-tattiċi politiċi tagħhom b’modi alternattivi għad-diskorsi, l-aktar b’reklami bi ħlas fuq l-Internet.

Ir-retorika

(4) L-aktar element li ħa mill-ħin nett utilizzat bid-diskorsi tal-kandidati kienet ir-retorika, jiġifieri dak id-diskors li ma javvanza ebda argument sensat jew raġunat, imma li hu biss intenzjonat li jappella għall-emozzjoni tas-semmiegħa. Wieħed jista’ jirraġuna li, minħabba li l-kampanja kienet għal mexxej tal-partit, allura s-60% li ħadet ir-retorika għat-tqanqil tas-sentimenti kienet ġustifikata.

Diskors bħal: “Jiena nħobb il-ħaddiema!”, “Għalija ż-żgħażagħ huma s-saħħa tal-pajjiż!”, “Il-partit minn dejjem għen lin-nisa!”, “Jiena lest li nħares il-familji!”, “Kulħadd għandu postu f’dal-partit!”, huwa diskors li jgħid ħafna u ma jgħid xejn fl-istess ħin. Għalhekk hu retoriku. Jingħad biex il-qlub jisħnu u jintrebaħ il-vot. Wara kollox, dan biss li jgħodd, hux tassew?

Fost l-elementi ewlenin kollha tad-diskorsi taż-żewġ kandidati, kien hemm tnejn nieqsa għal kollox. Wieħed minnhom, għall-grazzja tal-ħanin Alla, kien it-tgħajjir. Il-kandidati kienu dejjem nies biżżejjed biex f’ebda mument m’għajru wieħed lill-ieħor. Din kienet xi ħaġa sabiħa ħafna.

Id-diskors ideoloġiku

In-nuqqas tal-element l-ieħor, però, ma hu xejn sabiħ. Il-preżenza ta’ 0% għal xi tip ta’ diskors ideoloġiku hija tabilħaqq miskina. B’ideoloġija nifhem id-diskors fuq l-ideat, il-kunċetti jew il-prinċipji tat-twemmin politiku. F’xahar u nofs sħaħ, f’ebda mument ma l-kandidati messew dan l-element b’mod sustanzjali li jikkmanda attenzjoni.

Dan-nuqqas huwa partikularment sfortunat minħabba li l-kampanja kienet għall-mexxej tal-Partit Laburista. Wieħed jista’ jifhem li, waqt kampanja elettorali, il-kandidat ma jridx jikkumplika wisq id-diskors tiegħu. Imma li f’ebda mument ma l-aspett ideoloġiku ta’ partit politiku joħroġ xi mkien ċar u tond huwa aktarx indikazzjoni ta’ defiċjenza li mhijiex mumentarja jew transitorja.

Minkejja li d-diskors ideoloġu m’għadux wisq moda, ma jidhirlix li għandu jiġi skartat. Jekk il-politika ma tibqax tiġi missielta fuq il-livell tal-ideat x’jibqa’ fiha? Titlef sa l-isem ta’ politika.

Sadattant, nittama li l-Partit Laburista jirrimedja.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?