Id-dimensjoni tar-rispett

F’dinja fejn ilkoll kemm aħna niġu mħeġġin naqdfu u nirnexxu, valur bħal dak tal-imħabba jiġi limitat għal ċirkli personali biss. Min-naħa l-oħra, valur bħar-rispett jikseb dimensjonijiet aktar wiesa’ u universali. Fi kliem ieħor, tista’ ma tħossokx komdu jew komda tgħid li tħobb lil ħaddieħor, imma li tirrispettahom iva. Fejn hemm nuqqas t’imħabba għall-anqas għandu jsaltan ir-rispett.

Dak li jiswa għalina

Nitkellmu fuq valuri meta rridu nirreferu għal affarijiet li għandhom xi siwi għalina. Il-valur hu kemm jiswew l-affarijiet, in-nies, l-azzjonijiet jew is-sentimenti għalina. Dik li spiss tissejjaħ il-lista tal-valuri hija l-iskala li għandna f’moħħna u f’qalbna ta’ x’jiswa aktar jew anqas għalina personalment u bħala soċjetà.

Is-soċjetà li aħna ngħixu fiha llum, imdakkra ħafna mill-għajxien tan-nies ta’ barra, l-aktar fl-Ewropa u l-Amerika, żiedet is-siwi li aħna nagħtu lil affarijiet li jorbtu mal-individwalità tagħna. Il-jeddijiet tagħna personali b’mod ġenerali, ngħidu aħna, jew il-privatezza tagħna, jew l-ispazju privat tagħna – dawn saru affarijiet li jgħoddu aktar minn qabel. Joltqu lilna personalment, u aħna sirna nagħtuhom ħafna siwi (jew ħafna valur). Għalina, insomma, huma importanti.

Min-naħa l-oħra, l-istess soċjetà donnha għallmitna nnaqsu s-siwi li qabel kienu jagħtu lil affarijiet komunitarji jew komuni, jiġifieri dawk l-affarijiet li jinsabu lil hinn minna. X’jaħseb ħaddieħor, x’inhu jagħmel ħaddieħor, minn xiex għaddej ħaddieħor – dawn saru affarijiet li, sakemm ma jmissux magħna, ma jgħoddux wisq għalina; m’għandhomx is-siwi li kellhom qabel.

Inħobbu li hu tagħna

L-imħabba hija l-aktar sentiment komunitarju. Wieħed jista’ jħobb lilu nnifsu, naturalment, imma dan jagħmlu dejjem qisu qed iqis lilu nnifsu bħala xi ħadd ieħor. Għax l-imħabba titlob minnha nnifisha lil xi ħadd ieħor jew oħra. L-imħabba donnha taqbeż il-limitazzjonijiet tal-individwalità u l-isfera personali, u tfittex li toħloq xi għamla ta’ relazzjoni ma’ xi ħadd ieħor jew ma’ xi ħaġa oħra.

Aktarx huwa għalhekk li l-imħabba ma tingħatax wisq siwi llum f’sens komunitarju. Illum l-imħabba hija importanti, għandha siwi, imma fil-qasam privat biss, jiġifieri fejn tmiss l-individwalità tagħna jew l-affarijiet marbutin magħna. Jista’ jkun li hu għalhekk li llum ma tantx idoqqilna li nitkellmu fuq li nħobbu lil ħaddieħor, hu min hu, jew lil kulħadd.

Is-sura ta’ soċjetà li llum ngħixu fiha tgħallimna nħobbu dak li hu tagħna, bħall-familja, l-annimali li għandna, darna, l-affarijiet li huma tagħna. Aħna nifhmu perfettament li hawnhekk, f’dawn l-affarijiet personali tagħna, tidħol l-imħabba. Imma lil hinn minn hekk, b’mod miftuħ għal kulħadd u għal kollox li m’għandhomx x’jaqsmu magħna, ħafna drabi saret diffiċli għalina li nifhmu kif tidħol l-imħabba.

Ir-rispett ’l fuq mill-imħabba

Lil hinn mil-lat personali u individwali tagħna, illum m’għadniex nitkellmu fuq l-imħabba imma fuq ir-rispett. Nitkellmu, ngħidu aħna, li nirrispettaw lil ħaddieħor, nirrispettaw l-ambjent, nirrispettaw lill-annimali ... imma mhux li nħobbuhom; inħobbu biss lil dawk li nafu, li hu qrib, li jmissna fil-laħam il-ħaj.

Din hi moda ta’ żmienna, naturalment. Imma għandha s-siwi tagħha. Ir-rispett hu xi ħaġa sabiħa li għandu jkollu kulħadd. Hawn nies li l-imħabba spiċċat fil-familja tagħhom jew fir-relazzjoni intima li kellhom ma’ ħaddieħor, imma b’daqshekk ma spiċċax, jew m’għandux jispiċċa, ir-rispett. Fejn m’hemmx imħabba, ir-rispett m’għandu jonqos qatt.

F’kulma nagħmlu, għandna dejjem nuru rispett lejn ħaddieħor, lejn kull ħlieqa ħajja u lejn id-dinja kollha ta’ madwarna. Ukoll jekk ma nħobbuhomx, b’daqshekk m’għandux ifisser li nonqsu mir-rispett tagħna lejhom. Hu dan li jurina kemm aħna nies u kemm jixirqilna r-rispett ta’ ħaddieħor.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?