Is-Sirja tissawwat

Tistaqsini: ‘Għandek tant fuqiex titkellem dil-ġimgħa—bl-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali—u tiġi tikteb fuq is-Sirja?’ Inwieġbek: ‘Iva, għax għandu mnejn ninsew li, waqt li aħna qed nehdew bl-elezzjonijiet, hemm poplu tant qrib tagħna li qed jissawwat u jinqered.’ Inħalli ’l ħaddieħor għalissa jikteb fuq ir-rebħiet u t-telfiet elettorali; jien xtaqt li, ma’ dawn, lanqas ma tinsa l-karba ġejja mil-lvant.

Poplu miġrugħ

Dil-ġimgħa, il-gvern tas-Sirja ħrax kontra l-aħħar fortizza tar-ribelli filwaqt li ’l dawn kważi kulħadd abbandunahom. Il-Ġnus Magħquda wissiet bl-aħrax lill-pajjiżi tad-dinja li m’huma qed jagħmlu xejn biex jevitaw jew irażżnu l-massakru tal-poplu Sirjan. Dil-ġimgħa, laħaq il-quċċata tiegħu l-attakk feroċi fuq in-nies ċivili mill-gvern ta’ Assad u l-qawwiet Russi.

L-attakk l-aktar qed jikkonċentra madwar Idlib u Hama fil-grigal tal-pajjiż. L-attakk mill-ajru kien bla qtugħ u mill-agħar, bil-qerda ta’ mijiet ta’ djar taċ-ċivili, il-ħruq ta’ wesgħat kbar ta’ art u l-ħxejjex u l-agrikoltura tagħhom, u l-qtil ta’ mijiet ta’ nies, f’dil-ġimgħa li għaddiet biss ’il fuq minn 300 ruħ u mat-800 midruba.

Filwaqt li 200,000 ruħ ħallew id-djar u l-art tagħhom biex forsi jsibu xi ftit tal-kenn f’inħawi li mhumiex milquta, madwar tliet miljun ruħ huma maqbuda f’nofs l-isparar tal-qawwiet militari li qed jiġġieldu bejniethom. Dan-nies kollha m’għandhom għajnuna umanitarja kważi m’għand ħadd; il-qagħda tagħhom, mingħajr ilma nadif, mediċini, ikel u għata, hija agħar minn disperanti.

Poplu indifiż

Għala s-Sirja qed titħalla mill-ġnus tad-dinja biex tinqered ħadd ma jaf eżatt. Xi wħud isostnu li l-ħtija hija kollha tal-Iraq; is-Sirja hi biss sostitut għat-theddid ta’ dak il-pajjiż. Oħrajn kienu jsostnu li s-Sirja kienet post fejn is-superpotenzi juru snienhom kontra xulxin; imma dil-iskuża m’għadhiex tgħodd minn mindu l-president Amerikan, Trump, irtira l-forzi tiegħu mill-inħawi.

Hu x’inhu, il-prezz qares qed iħallsu l-poplu ċivili, żarmat minn kull dinjità, mezzi ta’ għajxien jew kwalunkwe difiża. Is-sitwazzjoni tiegħu hija patetika, maqbud kif inhu bejn qawwiet militari li jisparaw bl-addoċċ, u mingħajr ħadd li jista’ jiddefendih mill-bombi qerrieda.

Kif ġew l-affarijiet, la l-qawwiet tal-gvern, la l-qawwiet Russi li qed jiġġieldu maġenbu, u lanqas il-qawwiet ribelli li qed jiġġieldu kontra t-tnejn l-oħra, m’huma qed jagħtu kas tal-poplu indifiż. Jolqtu lil min jolqtu, inkluż skejjel, spartijiet u kampi ta’ rifuġjati, dawn jisparaw l-armi qerrieda tagħhom tan-nar fuq kulfejn jidhrilhom li qed jistaħba l-għadu. Minkin min ikun fin-nofs.

Poplu ta’ paċi

F’din il-ġimgħa li fiha fostna u fost il-popli Ewropej spikkaw l-elezzjonijiet ta’ kul tip, hawn fosthom wkoll tal-Kunsilli Lokali, ma nistgħux naħsbu li aħna qed ngħixu bħallikieku ġo xi bozza. Madwarna d-dinja ma waqfitx; madwarna l-poplu Sirjan għadu qed jistenna t-tweġiba tal-ġnus biex iħarsuh u jaqbżu għalih.

Aħna, bħala poplu li nħobbu l-paċi, l-għaqda u l-ftehim fost il-ġnus, ma nistgħux ninsew li ħajjitna hi marbuta ma’ dik tal-popli ta’ madwarna. Ibatu s-Sirjani u jbatu l-popli kollha tal-Mediterran, inkluż aħna. Ilkoll ninsabu f’baħar wieħed; ix-xorti ta’ wieħed hi x-xorti tal-oħrajn kollha.

Dit-traġedja Sirjana, bħal kull tragedja oħra fejn il-gwerra tkisser u tfarrak addoċċ, u toqtol u ġġerraħ bla ħniena, għandha tibqa’ tfakkarna fil-missjoni li għandu pajjiżna kostituzzjonalment fost il-ġnus: jiġifieri li jaħdem attivament għall-paċi. Jalla l-gvern tagħna, b’saħħtu kif inhu, jibqa’ jagħtina ġieħ billi dad-dmir tiegħu ma jabbandunahx.

Ejja nibqgħu nuru li aħna poplu li jħobb il-paċi!



https://bdlbooks.com/product/dimech-3/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?