Lil sieħbi Charles

Lil ftit nies insejħilhom ‘ħbieb’. U ftit nies nieħu gost li jsejħuli ħabib tagħhom. Pitma minn daqshekk. Għax għalija l-ħbieb mhumiex biss nies li nafhom jew jafuni. Il-ħbieb huma nies li jaraw għajn m’għajn miegħek. Ħafna nies iħobbuk għal raġunijiet ħżiena, l-aktar għax jaraw fik xi gwadann għalihom infushom. Il-ħbieb iħobbuk għalik innifsek, mingħajr ma jridu jobormu xejn mingħandek; mingħajr ma jriduk tinbidel.

Wisq anqas insejjaħ lil xi ħadd ‘sieħbi’ kif ġieb u laħaq. Jissejjaħ hekk biss min jissieħeb miegħek f’xi ħidma li tkun qed tagħmel. Lanqas xi ħbieb ma nsejħilhom sħabi, aħseb u ara nies li bil-kemm kemm inkun nafhom jew oħrajn li jkunu jafuni biss di vista. Insejjaħ biss ‘sieħbi’ l-ftit mill-ftit.

Ħsieb u demm

Wieħed minn dal-ftit kien Charles Miceli. Ħabibi u sieħbi. Naħseb bdejna nsiru nafu ’l xulxin xi tlieta u għoxrin sena ilu u, f’daż-żmien kollu, bqajna dejjem f’rabta ma’ xulxin. Bosta drabi din kienet rabta ta’ ħidma li konna nagħmlu, parallela jew flimkien. Aktar minn hekk, iżda, kienet ukoll rabta tal-ħsieb u ġibda tad-demm.

Kellna demm għal xulxin għax, b’xi għamla jew oħra, konna nifhmu lil xulxin mingħajr wisq kliem. Għalkemm akbar minn b’xi ħmistax-il sena, madwar nisel sħiħ, u t-tiġrib ta’ ħajtu kien ħaġ’oħra għal tiegħi, kien hemm, ħassejt, x’jiġbidna minħabba l-istess triq, għalkemm b’suriet differenti, li konna nterrqu. It-tnejn konna għażilniha meta konna ħafna iżgħar, u t-tnejn żammejna fiha fit-tlugħ u l-inżul.

Il-ħsieb intrabat b’xewqa ta’ tiftix bla qtugħ għal dak li l-aktar jiswa fil-ħajja, mhux biss tagħna imma wkoll ta’ ħaddieħor. Mas-snin, dal-ħsieb tfisser aħjar. Kien ġej mill-ixqfa liberali li fittixna, mit-tagħlim ta’ soċjalisti mġarrba u, fl-aħħar mill-aħħar, mit-tixniq ta’ anarkisti mħarrġa. Ħsiebna kien dejjem itektek waqt li riġlejna mxew fejn ħassew, mhux l-eħfef art, iżda l-oħla u l-isħeħ faraġ.

L-anarkiżmu

Kien hemm affarijiet oħra li ġibduni lejn dal-bniedem. Waħda mill-ewlenija kienet ir-riħ ta’ tfulija li qatt ma tilef. Il-ħajja ma seħħilhiex, la tnikktu, la tobormu f’ċiniku u lanqas tagħmlu morr. Għalkemm ħadha bis-serjetà—anzi, għaliex ħadha bis-serjetà—lill-ħajja baqa’ jidħak biha aktar milli, bil-kruhat u n-niktiet li kienet taf tagħti, daħket bih hi. Din it-tfulija tal-qalb kienet għalija dejjem ammirevoli fih. Ġietu naturali, u b’mod naturali kkomunikaha lil ħaddieħor.

Naħseb dan kien jiġi mill-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, Charles qatt ma fehem għala l-bnedmin għandhom għalfejn ikerrhu l-ħajja kif jagħmlu. Il-ħajja kienet l-isbaħ meta l-aktar sempliċi; it-twemmin kien l-isħaħ meta l-anqas ikkumplikat; l-għajxien flimkien kien l-isbaħ meta bla pretensjonijiet. Dan, Charles ma ħalliehx jaħrablu, u għexu f’ġildu.

L-anarkiżmu tiegħu, dik l-isbaħ u l-aqwa għamla ta’ għajxien soċjali, wasal għalih bil-qajla l-qajla waqt li xiref quddiem l-għajnejn ta’ ruħu n-nuqqas ta’ ħila ta’ għamliet oħra, u meta ra, bil-mod il-mod, li l-biċċa l-kbira tal-bnedmin, meta terħilhom is-setgħa, jużawha għall-ħsara ta’ ħaddieħor u biex, fl-aħħar mill-aħħar, jeqirdu lilhom infushom.

Għalliem

Charles għallimni u jibqa’ jgħallimni. Għalija għadu u jibqa’ ktieb miftuħ. Għax jurini bil-fatti u fil-konkret kif il-ġustizzja mhijiex l-ideal ta’ għada imma l-għemil tal-lum; l-għemil mal-iċken fost iċ-ċkejnin. Jgħallimni għax jibqa’ jurini l-imħabba mhijiex ta’ min jikkmanda jew jiġi kkamdat imma fejn ma jikkmanda ħadd.

Dan hu raġel li mhu se jieqaf qatt jimxi miegħi tul it-triq u li se nibqa’ narah kuljum madwari bit-tbissima ta’ qlubija u rġulija li jibqa’ jilqgħani bihom kuljum, kif ukoll bl-ispirtu ħlejju u tfuli tiegħu li bih ibaxxi s-setgħana u jgħolli ċ-ċkejknin.

U kuljum nixtieq li jibqa’ jgħallimni aktar, għax ħdejh naf ftit li xejn. Għax jaf ftit li xejn min għadu ma sarx bħat-tfal iż-żgħar li qalbhom wiesa’ daqs id-dinja.

Jien insellimlek, Charles, u nbierek il-ħajja tiegħek miegħi u ma’ kulmin ħabbek u ħabbejtu.

https://markmontebello.blogspot.com.mt/p/blog-page.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?