Sunday, 11 March 2018

Min hu l-giddieb?

Ilkoll kemm aħna nigdbu. Nammettuhx jew le, konxji jew le ta’ dan, ilkoll kemm aħna spiss ngħidu gideb żgħir jew kbir mingħajr ma niddejqu xejn jew niddejqu ftit. Madanakollu, filwaqt li aħna nigdbu, xi kultant saħansitra lilna nfusna, qajla noqogħdu għall-gideb ta’ ħaddieħor. Terġa’ u tgħid, minn persuni pubbliċi, inkluż il-politiċi tagħna, ma naċċettaw qatt li dawn jigdbulna. Il-gideb hu dejjem ħażin jew xi kultant biss?

Għala nigdbu?

Ftit jidher li hawn nies li jaqblu li l-gideb hu dejjem ħażin. Skont studji li saru, aħna l-bnedmin nibdew nigdbu fl-età ta’ sitt xhur billi nibku u nidħqu biex nattiraw l-attenzjoni. Il-biċċa l-kbira tagħna jitgħallmu jigdbu b'mod konvinċenti minn erba’ snin ’il quddiem. Qabel dan, it-tfal ma jkunux jistgħu jifhmu għala l-oħrajn ma jarawx xi ħaġa kif jarawha huma. Donnhom jassumu li hemm punto di vista waħda biss.

Meta nkunu tfal, nitgħallmu nigdbu b’effettività qabel ma niżviluppaw il-kapaċità mentali biex NIFHMU għala l-gideb iħalli ċerti effetti. Spiss jiġri li, f’din il-fażi, it-tfal jivvintaw gideb oħxon minħabba li ma jifhmux il-kunċett ta’ twemmin u lanqas il-kunċett morali għala l-gideb hu ħażin.

Għalfejn nigdbu? Nigdbu biex l-oħrajn jagħtu kasna, jistmawna, japprezzawna, jixtiquna u jaċċettawna. Jidher li hemm differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-gideb, għall-anqas skont studji li għamel ċertu David Livingstone Smith fl-2005. Hu jgħid li l-irġiel donnhom aktar jigdbu biex jogħoġbu lilhom infushom jew ikabbru lilhom infushom. Min-naħa l-oħra, in-nisa donnhom jigdbu biex jogħoġbu lil ħaddieħor jew jitkabbru f’għajnejn ħaddieħor.

Barra dan, xi wħud minn kmieni jeħlu fl-iżvilupp mentali li bih ikunu jistgħu jistabbilixxu sens ta’ proporzjon bejn il-gideb u s-sewwa. Dan aktarx jiżviluppa f’gideb patoloġiku jew kroniku, li ġieli jissejjaħ ‘pseudologia fantastica’ jew ‘mythomania’. Difett serju ta’ ħafna giddieba huwa li jaħsbu li huma konvinċenti meta fil-fatt ma jkunux.

Gideb għall-bżonn?

Il-gideb dejjem isir għal XI ngann. Hemm żewġ raġunijiet għala dan isir. Waħda hi patoloġika, kif semmejna, l-oħra hi għall-bżonn. Din tal-aħħar, li l-biċċa l-kbira tagħna ħatjin tagħha kuljum, donnha timxi fuq il-prinċipju Makkjavelljan ‘il-fini tiġġustifika l-mezzi’, jiġifieri l-bżonn li nigdbu nqisuh akbar mill-bżonn li ma nigdbux.

Il-bżonn li nigdbu jista’ jiġi minn ħafna raġunijiet. Fost dawn, nistgħu nsemmu sitta ewlenin. L-ewwel, jista’ jkun hemm il-bżonn tas-sopravivenza. Min jgħix fit-triq, żewġ affarijiet huma assolutament meħtieġa: il-gideb u s-serq. Mingħajr dawn, imut.

Raġuni oħra, it-tieni, tista’ tkun għal raġunijiet ‘innoċenti’, bħal biex indaħħqu, fejn ngħidu gidba li kulħadd jinduna li hija gidba, jew biex biex neħilsu minn xi ħadd (bit-telefon, ngħidu aħna; taparsi għandna x’nagħmlu), jew biex ma nweġġgħux lil ħaddieħor billi ngħidu s-sewwa, jew għax ġenwinament ikollna impressjoni ħażina, jew biex ma nfissrux affarijiet ikkumplikati (bħal lit-tfal).

It-tielet raġuni, dejjem aktar serja, tista’ tkun għal xi gwadann personali. Bħal biex ningannaw lil xi ħadd, jew biex nibblaffjaw (nuru ħaġa b’oħra), jew biex inbigħu aktar (bħal tal-ħwienet), jew biex niżvijjaw lil ħaddieħor.

Ir-raba’ raġuni, aktar serja, tista’ tkun għal raġunijiet ta’ ħażen. Bħal meta nigdbu biex ninfamaw lil xi ħadd, jew biex nivvintaw (mingħajr ma nkunu nafu xi ħaġa), jew meta ngħidu biċċa mis-sewwa barra l-kuntest, jew biex ningannaw (frodi).

Raġuni aktar serja għala nħossu l-bżonn li nigdbu, il-ħames, tista’ tkun għal raġunijiet ta’ kuxjenza. Bħal biex ngħattu xturna, jew biex nevitaw l-inkwiet (u nżommu l-paċi), jew biex nesaġeraw (u nimpressjonaw), jew biex ma ngħidux il-verità kollha dwar xi ħaġa jew xi ħadd (u ngħattulu), jew biex innaqqsu s-sewwa (minimizzazzjoni).

L-aħħar raġuni, forsi l-aktar serja, tista’ tkun għax ma nafux lilna nfusna biżżejjed, jista’ jkun minħabba impressjoni ħażina tagħna nfusna dwar il-kapaċitajiet u l-possibbiltajiet tagħna.

Il-politiċi giddieba?

Min hu bla dnub ħa jixħet hu l-ewwel ġebla ... speċjalment lill-politiċi. Aħna lkoll nistennew li l-politiċi, jista’ jkun għax huma qaddejja pubbliċi, m’għandhomx jigdbu, u neħduha bi kbira meta xi ħadd minnhom jinkixef f’gidba. Din ipokrezija jew sempliċiment ħtieġa etika ta’ korrettezza? Għala jien nista’ nigdeb u ħaddieħor le, speċjalment jekk ikunu politiċi?

Illum, id-diskors neoliberali tal-politiċi donnu ddakkar minn dik li tissejja ‘postverità’. Dan ifisser, fost affarijiet oħra, li l-istqarrijiet politiċi pubbliċi la jgħidu l-verità u lanqas jigdbu. Huma stqarrijiet li jagħtu interpretazzjoni li tkun maħsuba u maħduma biex tirbaħ l-imħuħ. Jappellaw għall-emozzjonijiet. M’għandhom ebda rabta konkreta mal-fatti jew mal-linji politiċi aċċettati.

Illum donnu diskorsi bħal dawn saru aktar moda minn qabel. Forsi l-politiċi, qabel kulħadd, għandhom iżommu f’moħħhom dawn l-erba’ affarijiet: l-ewwel, li min jigdeb irid ikollu memorja tajba, għax gidba ġġib oħra. It-tieni, il-gideb għandu preżent iżda m’għandux futur. It-tielet, inqabad f’gidba darba u kulma tgħid isir suspettuż. Ir-raba’, il-kliem jista’ jigdeb iżda l-azzjonijiet rari.

Parir tal-aħħar: Tigdibx lil min jafdak; tafdax lil min jigdiblek!

(Jekk trid tisma’ aktar fuq dan is-suġġett, ejja nhar is-Sibt, 16 ta’ Marzu, għal diskors tal-Professur John Baldacchino, fil-Lukanda Phoenicia, il-Furjana, fis-7.30 ta’ filgħaxija. Kulħadd mistieden. Dħul b’xejn.)


https://www.facebook.com/events/154740658643519/

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever