2,400 sena mit-twelid ta’ Aristotli

Aristotli hu wieħed mill-akbar filosfi tal-qedem. Kbir għax-xogħlijiet li kiteb. Kbir għall-influss li b’xi mod jew ieħor spiċċa biex ħalla fuq iż-żminijiet kollha ta’ warajh fost il-kulturi tad-dinja kollha. Kbir, fuq kollox, għall-għerf tiegħu. Din is-sena, 2016, qiegħed jiġi mfakkar l-2,400 sena minn twelidu. Aristotli huwa wkoll meqjus bħala l-ewwel xjenzat fid-dinja.

Min kien Aristotli?

Aristotli twieled fi Staġira, il-Greċja, fis-sena 384 qabel Kristu; 2,400 sena ilu. Missieru kien tabib, iżda miet meta ibnu kien għadu tifel. Ta’ tmintax-il sena, Aristotli ssieħeb fl-iskola tal-filosfu Platun (magħrufa bħala l-Akkademja) ġewwa Ateni. Baqa’ hemmhekk għal kważi għoxrin sena; telaq biss meta miet Platun.

Meta ħalla Ateni, Aristotli kompla l-istudji xjentifiċi (botaniċi u żooloġi) tiegħu fuq il-gżira ta’ Lesbos. Wara xi ħames snin, ir-Re Filippu tal-Maċedonja stiednu jsir l-għalliem ta’ ibnu Alessandru (li wara sar magħruf bħala Alessandru l-Kbir). Dam jgħallem lilu u lil sħabu—inkluż Ptolemew, Farawn tal-Eġittu, u Kassandru, Re tal-Maċedonja)—għal madwar tmien snin, meta mbagħad reġa’ lura Ateni, fejn waqqaf skola magħrufa bħala Liċeo.

Dam jgħallem u jikteb hemmhekk għal madwar tnax-il sena. Meta miet Alessandru, l-Ateniżi qamu kontra t-tmexxija tal-Maċedonja u Aristotli kellu jaħrab lejn il-gżira ta’ Ewboa (qrib Ateni), fejn miet ftit wara, fis-sena 322 qabel Kristu, b’kawżi naturali fl-età ta’ tnejn u sittin sena.

It-tagħlim ta’ Aristotli

It-tagħlim ta’ Aristotli jmiss kull fergħa tat-tagħrif, id-dehen u l-għerf uman. Waqt li l-akbar sengħa tiegħu kienet fis-saħħa tal-osservazzjoni, l-akbar ħila tiegħu kienet fil-qawwa tal-astrazzjoni. Kien josserva kollox, fit-tul u fid-dettall, imbagħad jobsor fasliet ġenerali li bihom jorganizza l-ideat li l-osservazzjoni tissuġġerixxi lill-ħsieb.

L-għan tal-istħarriġ kollu tiegħu kien li jsib kif il-bniedem jidħol fil-medda bla qies tal-ħolqien. Għaldaqstant, Aristotli għarrex kull ħaġa minn kull lat possibbli, biex hekk jasal biex isib x’sehem kellu l-bniedem mill-annimali, il-ħxejjex u l-affarijiet kollha li hawn, kif ukoll x’inhu li jagħmel lill-bniedem dak li hu. B’hekk seta’ juri lill-bniedem kif imexxi lilu nnifsu fil-ħajja tiegħu mal-oħrajn, fi ftehim mal-ħlejjaq ħajjin u mal-ħolqien, u fl-aħħar mill-aħħar ma’ Alla.

Għal ħafna sekli, fost il-ħassieba tal-Punent Aristotli ġie mwarrab minħabba li aktarx tqies wisq ‘materjali’ fil-perspettiva tiegħu. Platun, bl-idealiżmu tieħu, instab aħjar. Iżda fil-bidu tal-medjuevu, bis-saħħa tal-ħassieba Għarab, il-Punent sab fih dak il-ħsieb imwieżen li jqis sewwa l-ħiliet ‘spiritwali’ tal-bniedem mingħajr ma jwarrab ir-realtà materjali. Minn hawn bdiet, fiż-żerriegħa tagħha, id-dinja li nafu aħna llum.

Ix-xjenza ta’ Aristotli

Għall-medjevalisti, l-istudju ta’ Aristotli kien aktarx jibda u jintemm fil-metafiżika tiegħu; f’dak li jmur lil hinn mill-fiżika materjali. Iżda għal Aristotli nnifsu ma kienx hekk. Il-qofol tal-istħarriġ tiegħu kienu l-annimali u kif il-bniedem kien ‘annimal’ ieħor fost l-oħrajn iżda wkoll b’xi mod ta’ qatgħa differenti minnhom. Fi żmienna, speċjalment fl-Ingilterra u f’xi inħawi oħra, din l-attitudni ta’ Aristotli reġgħet ġiet skoperta u apprezzata mill-ġdid.

Aristotli kien xjenzat fis-sens modern tal-kelma. Kien l-ewwel wieħed li ħareġ bil-metodu xjentifiku li jsejjes it-teoriji kollha tiegħu fuq l-osservazzjoni. Id-dinja ħadet mat-tmintax-il seklu biex dan tifhmu, tħaddnu u tħaddmu. Ix-xjenza qatt ma setgħet tibqa’ l-istess wara Aristotli. Kull xjenzat, hi x’inhi l-fergħa xjentifika tiegħu, hu midjun ma’ dan il-filsofu u ħassieb kbir.

Għaldaqstant, mhux ta’ b’xejn li l-istudjużi, l-akkademiċi u x-xjenzati din is-sena se jiċċelebraw l-2,400 anniversarju mit-twelid tiegħu. Minbarra konferenza dinjija f’Tessaloniki, il-Greċja (anqas minn 100 kilometru l-bogħod minn Staġira) f’Mejju li ġej u f’Moska f’Ottubru, tul is-sena se jsiru konferenzi oħra f’Ateni (Ġreċja), Heidelberg (il-Ġermanja), Padova (Italja), Pariġi (Franza), Helsinki (Svezja), Lisbona (Portugall), Notre Dame (l-Amerika), Kordoba (Spanja) u Leuven (il-Belġju).

Xieraq li dan l-anniversarju illustri niċċelebrawh f’Malta wkoll.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?