L-iħirsa tal-Indipendenza

Iċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-Indipendenza nhar il-Ħadd qiegħda ssir għall-ewwel darba fuq livell lil hinn mill-partiġġjaniżmu. Sa mill-1964 qatt ma kienx hekk. Dejjem kien il-Partit Nazzjonalista waħdu li ċċelebra dan l-avveniment. Iżda llum, bl-attitudni ġdida tal-gvern Laburista, dan qed jinbidel. Bil-mod il-mod, l-iħirsa tal-imgħoddi qegħdin jiġu mraqqda.

‘Indipendenza dipendenti’

Il-mod kif inkisbet l-Indipendenza fl-1964 kien frott tal-istinazzjoni ta’ Borg Olivier u sħabu. L-oppożizzjoni parlamentari kollha kienet kontra l-mod kif riedha sseħħ. Mhux biss Mintoff, iżda wkoll Mabel, Pellegrini u Ganado, ilkoll bil-partiti tagħhom li, effettivament, kellhom warajhom il-maġġoranza tal-poplu Malti. Gonzi biss kien favur il-mod kif Borg Olivier ried li l-Indipendenza sseħħ.

Tant webbes rasu Borg Olivier li, meta ra li qatt ma kien se jkollu warajh l-approvazzjoni tal-erba’ partiti l-oħra, jew anki l-maġġoranza tal-poplu Malti, bil-kollaborazzjoni ta’ Gonzi, ħalla l-fasla tal-Kostituzzjoni l-ġdida f’idejn is-Segretarju Britanniku tal-Commonwealth u l-Kolonji, Duncan Sandys. Gonzi kien partikularment deċiż li ma jħallix lil Mintoff idaħħal fil-Kostituzzjoni klawsoli favur id-drittijiet tal-bniedem, klawsoli li setgħu jrażżnu r-repetizzjoni tal-prokerija li l-Knisja kienet għamlet fil-kampanja elettorali tal-1962.

Fl-aħħar mill-aħħar, spiċċat għaddiet ta’ Borg Olivier u Gonzi. L-Indipendenza li nkisbet kienet, kif sejħulha xi gazzetti Britanniċi, ‘Indipendenza dipendenti’.

Ħasra ta’ kisba

Kemm fil-kampanja tar-Referendum għall-Indipendenza u kemm f’dik tal-elezzjoni li ġiet wara (tal-1966), il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikularment kontra l-Partit Laburista Malti, baqa’ għaddej mingħajr ma l-Britanniċi offrew xi reżistenza konvinċenti. Iżda l-Indipendenza ngħatat xorta waħda, u dik saret parti mill-istorja. Wara, l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza kellha tiġi riveduta b’mod totali. Dan kien inevitabbli.

Illum, li għaddew 50 sena minn dawk il-ġrajjiet xejn sbieħ, mingħajr ma jiċħad jew jibdel il-ġrajjiet storiċi, wieħed forsi għandu jibda jaċċetta l-fatt komplut. Inutli nibqgħu nibku l-imgħoddi, ikrah kemm hu ikrah, imma forsi għandna nibdew inwieżnu l-affarijiet b’anqas passjoni u ċertament b’anqas imrar f’qalbna.

Hija ħasra, tabilħaqq, li l-Indipendenza nkisbet kif inkisbet. Imma ħadd ma jista’ jagħmel xejn dwar dan issa. L-iżballji tal-imgħoddi mhumiex se jiġu rranġati billi nibqgħu nheżżu snienna. Wara l-Indipendenza ġew ħafna ġrajjiet storiċi nazzjonali oħra li, b’xi mod jew ieħor, ikkoreġew dawk l-iżballji.

L-iħirsa tal-imgħoddi

Inkisbet kif inkisbet, l-Indipendenza fl-1964 kien mument importanti u sinifikattiv fl-istorja reċenti tal-poplu tagħna. Għall-anqas wieħed irid jirrikonoxxi dan. Illum għad għandna nies li jigglorifikaw dak il-jum bħallikieku fih konna ksibna d-dinja. Dawn iridu jibdlu l-istorja u l-qżiżijiet tagħha. Jirnexxielhom ma jistgħux, għax il-fatti, fatti jibqgħu.

Madanakollu, dak li lkoll nistgħu u għandna nagħmlu, bħalma fil-fatt qiegħed isir, huwa li nħarsu lejn l-imgħoddi tagħna, hu kif inhu, mingħajr għelt u possibbilment mingħajr semm. Illum ninsabu fejn ninsabu minħabba ħafna ċirkustanzi li, tajjeb jew ħażin, ifformawna u sawruna f’dak li aħna.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza, għalhekk, mhijiex eżattament dwar l-imgħoddi, wara kollox, iżda dwar il-preżent u, aktar u aktar, dwar il-futur. Ġejna minfejn ġejna, jeħtieġ li niċċelebraw il-ħajja tagħna llum u nħarsu lejn il-ġejjieni b’fiduċja.

Forsi l-mument ta’ kif inkisbet l-Indipendenza ma kienx sabiħ, u seta’, b’rieda aktar tajba, kien ħafna aħjar. Imma seħħ. Kien pass sinifikanti ’il quddiem. Minkejja kollox, illum m’għandux għalfejn jibqa’ jifridna. L-iħirsa tiegħu jeħtieġ li xi darba jorqdu. Aħna nistgħu nagħmlu dan.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?