Il-barka tat-taħlit razzjali

Il-bniedem, sa mill-ibgħad żminijiet, dejjem ivvjaġġa. Il-ħruġ tiegħu mill-Afrika, biex infirex mad-dinja kollha, ġie minn dil-kilba dejjiema li jiċċaqlaq, jimxi, ifittex u jitħallat. Bħalma fid-dinja hekkda fil-gżejjer tagħna, il-bniedem hu magħmul minn taħlita ta’ razzez. Min jiċħad dan ikun jiċħad l-istorja tiegħu.

Preġudizzji

Ġieli ssib lil min jgħid li l-hemm tal-pajjiżi u s-soċjetajiet huwa t-taħlit tar-razzez. Skont il-biċċa l-kbira tagħhom, anqas ma jitħalltu n-nies li jkunu ġejjin minn razzez differenti, aħjar. Jgħidulek li, jekk kull razza żżomm għaliha, tkun fis-sod; jekk titħallat, tibda l-qerda tagħha.

Meta jgħidu hekk, dawn in-nies, jaħasra, jinsew l-aktar ħaġa bażika tal-ġeneaoloġija. Jinsew li aħna lkoll razza waħda, magħmula minn taħlit u tibdil mifrux fuq sekli; li m’hawn imkien ebda razza safja; li kull razza hija fi stat ta’ taħrik u tibdil.

Dan għandu jwassalna biex ngħidu li t-taħlit tar-razzez hija, mhux biss tajba, imma wkoll ta’ saħħa għall-bniedem. Aktar ma r-razzez jitħalltu, aktar jissaħħew, anqas ikun il-mard ġenetiku, u aktar ikollhom possibbiltajiet ta’ mwiet għalxejn.

X’razza hi?

L-argumenti miġjuba minn dawk li ma jaħmlux li r-razzez jitħalltu mhumiex bijoloġiċi. Għalkemm dawn hekk jippreżentawhom, huma argumenti kulturali. X’ifisser dan? Ifisser li l-agumenti tagħhom bosta drabi huma bbażati biss fuq il-preġudizzji, jiġifieri fuq impressjonijiet li għandhom ta’ ħaddieħor u tagħhom infushom.

Argumenti kulturali lanqas ma huma ta’ natura soċjali. Li kieku kien hekk, il-paroli fuq it-taħlit ma kien ikollu xejn x’jaqsam mar-razzez, imma ma’ kull taħlit. Imma dan-nies mhux hekk isostnu. Dawn jgħidu li huma r-razzez li m’għandhomx jitħalltu, mhux in-nies “tal-istess razza”.

Din tal-aħħar hi stramba ħafna. Għax min jitħaddet hekk donnu jaf fejn tispiċċa razza u fejn tibda oħra. Fil-fatt, id-diskors tagħhom hu tant maħlul u impreċiż li, jekk tagħfashom fuq xi jsawwar razza jew kif tofroq razza minn oħra, jibdew ilaqilqu u jtemtmu. Daż-żgur! Għax dan ħadd ma qatt kien jafu—lanqas in-Nażi fuq il-Lhud—u qatt ma huma se jkunu jafuh.

Razza waħda umana

Għala? Għax ma jeżistix. Fi kliem ieħor, m’hemm ebda definizzjoni klinika ta’ xi jsawwar razza jew xi tagħrif xjentifiku ta’ kif tkun razza pura. Dik li tissejjaħ “razza” hi tikketta ġeneralissima li tirreferi b’mod approssimattiv għal grupp kulturali ta’ nies f’xi qasam ġeografiku.

Min jitħaddet, ngħidu aħna, dwar “razza Maltija”, “razza Ewropea”, “razza Afrikana”, “razza Ażjatika” u l-bqija, għalkemm jidher li qed jirreferi għal xi ħaġa speċifika u preċiża, kulma jkun qed jagħmel hu li jirreferi xi ftit jew wisq għal nies tal-istess kultura ġeografika. Mill-bqija, jekk jinsisti fuq xi xjentifiċità ta’ kliemu, lanqas biss ikun jaf x’inhu jgħid.

It-taħlit tar-razzez minn dejjem kien isiru u jibqa jsir għal dejjem ta’ dejjem. Dat-taħlit hu s-saħħa tad-demm uman. Jekk jieqaf (għalkemm ma jistax), ir-razza “umana” tmut. Din hi l-unika razza li teżisti fost il-bnedmin. Kull ferq fiha nnifisha hu fantastiku.

Dan hu li jagħmel sabiħ lill-bniedem: it-taħlit li dejjem kellu minn naħa għal oħra tad-dinja. Ir-razza umana għandha jiġri fil-vini tagħha demm ta’ elf lewn. Dan hu li jżommha ħajja u b’saħħitha. Hu wkoll dak li bih għandna nkunu kburin. Hu ta’ ġieħ għalina li għandna sehem mir-razza waħda umana.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?