Id-dnewwa ta’ Hong Kong

Fil-ġimgħatejn li għaddew, iċ-Ċina reġgħet issikkat il-ħolqa m’għonq Hong Kong. Bejn il-garanziji tal-imgħoddi u l-wegħdiet fiergħa, il-jeddijiet ċivili reġgħu ġew taħt l-attenzjoni għajjura ta’ Beijing. It-toroq reġgħu qed jimtlew protestanti, il-biċċa l-kbira żgħażagħ, u l-komunità internazzjonali qed twissi ċ-Ċina bil-kbir. Kollox però juri li l-bidliet legali l-ġodda se jibqgħu fis-seħħ ... għall-anqas għalissa.

Bidliet oppressivi

Il-bidliet li ddeċieda fuqhom Beijing ħolqu f’Hong Kong aġenzija ta’ sigurtà ġdida. Il-liġi tas-“Sigurtà Nazzjonali ta’ Hong Kong” li se tidħol fis-seħħ dalwaqt tagħti s-setgħa lil uffiċċjali magħżula minn Beijing u suġġetti biss għal Beijing li jaħtru mħallfin għal każijiet ta’ sigurtà. Dan ifisser li ċ-Ċina qed tagħfas idejha proprju fejn jinħass hu l-aktar sensittiv.

Dil-bidla li ddeċieda fuqu Beijing ġiet wara ġimgħat ta’ protesti f’Hong Kong. Aħna hawn Malta bil-kemm nisimgħu b’dawn l-istejjer jekk mhux bħala xi ħaġa li qisha qed isseħħ fuq in-naħa l-oħra tal-qamar. Il-każ ta’ dil-belt-pajjiż, però, għandha tinteressa id-dinja kollha, għax tinsab fuq il-fruntiera ta’ bejn il-ħelsien u l-jasar tas-seklu 21.

Hija ħasra li llum għadna rridu nisgħu b’każijiet bħal dawn fejn il-libertajiet ċivili, tista’ tgħid, ta’ nazzjon sħiħ jinsabu mhedda. It-telf tan-nies ta’ Hong Kong huwa t-telf tad-dinja u t-telf tagħna; id-dnewwa tagħhom hija d-dnewwa tagħna; ir-rebħa tagħhom hija wkoll tad-dinja kollha.

Drittijiet mhux kapriċċi

L-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, mill-ewwel qamu għaċ-Ċina fuq din il-biċċa. Bdew bħalissa xi restrizzjonijiet kummerċjali li jistgħu jiskalaw f’sanzjonijiet aktar ħorox. Il-poplu ta’ Hong Kong aktarx mhux se jiddejjaq ibati għall-ħelsien tiegħu u għal-libertajiet ċivili li jgawdi. Jidher deċiż, u bir-raġun, li ma jispiċċax imjassar għal kollox.

L-għajta tiegħu għandha tinstema’ fid-dinja kollha, fosthna wkoll. Iċ-Ċina ma taħmilx li dil-biċċa minn pajjiżha għadu jgawdi l-libertà li l-bqija tal-pajjiż enormi tagħha ilu ilha li tilfet minn żmien żemżem. In-nies ta’ Hong Kong mhux biss huma imdorrijiet bid-drittijiet ċivili tagħhom, imma wkoll joħolqu theddida għal min, fiċ-Ċina stess, dawk id-drittijiet ċivili m’għandux.

Dawn id-drittijiet mhumiex kapriċċi. Huma l-patrimonju tal-umanità li kull bniedem għandu jkollu u li ħadd m’għandu jkun miċħud minnu. Il-poplu ta’ Hong Kong, mhedded kif inhu li jiġi taħt liġi kiefra ta’ jasar, għandu jkollu l-ammirazzjoni, l-appoġġ u l-ħarsien ta’ kull bniedem ħieles tad-dinja.

Delitti vvintati

Il-liġi l-ġdida tas-Sigurtà Nazzjonali tagħti lista ġdida ta’ delitti kontra l-istat, fosthom is-separatiżmu, is-subversjoni, it-terroriżmu u l-kollusjoni. Jekk dawn l-ismijiet issibhom strambi, dan għax fil-fatt hekk huma. Il-liġi ssemmihom mingħajr ma tgħid fiex jikkonsistu eżattament, u hekk il-bieb għall-abbuż istituzzjonalizzat hu miftuħ beraħ.

Dawn l-hekk imsejħa delitti, flimkien ma’ oħrajn, fosthom li xxerred il-mibegħda kontra l-gvern, kollha għandhom pieni ta’ għomor il-ħabs.

Il-liġi ma hi xejn għajr att terroristiku fiha nnifisha. Hija maħsuba li twerwer lill-poplu ta’ Hong Kong, iġġibu taħt diffrejn l-awtoritajiet governattivi taċ-Ċina, u teqridlu l-awtonomija sovrana tiegħu. B’din il-liġi, Hong Kong sempliċiment ma jibqax jeżisti aktar kif inhu. Iċ-ċittadini tiegħu jispiċċaw kriminali.

Solidarjetà

Għal dawk kollha li jixtiequ mqar juru l-appoġġ tagħhom għall-eluf f’Hong Kong li qed isofru għal-libertà u għal sħabhom ippersegwitati, jistgħu jagħmlu xi ħaġa, imqar jekk tidher żgħira. Jistgħu jfittxu s-siti Global Solidarity with Hong Kong” fuq Twitter, Facebook u kull midja soċjali ieħor u juru s-solidarjetà tagħhom hemmhekk.

Jagħmel il-qalb u jbati anqas min jaf li mhuwiex waħdu.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?