Nies differenti u ġawhar oħra

Kemm nies jitwarrbu minħabba li ħaddieħor jarhom differenti! Kemm nies jitwarrbu għax jaraw lilhom infushom differenti! Id-differenza mhijiex diżunur. Is-sbuħija tad-differenza hija unika. Minħabba fiha ħadd m’għandu jħossu ikreh jew mistmerr. X’ħasra meta jiġri hekk! Xi dnub! Ħafna drabi huma mill-isbaħ in-nies li huma differenti! Aktarx huma ta’ min jgħożżhom aktar minn oħrajn.

Ħafna raġunijiet

Xi nies huma differenti minn ħaddieħor għax ma jimxux mad-drawwiet u l-gosti tal-biċċa l-kbira tan-nies ta’ madwarhom. Dan-nies jaqtgħu trejqa għalihom. Għandhom il-gosti tagħhom. Għandhom id-drawwiet tagħhom. Aktarx ma jħobbux dawk l-affarijiet li jagħtu pjaċir lill-massa. Ħafna minnhom ma jogħġobhomx dik il-moda li togħġob lill-bqija tan-nies.

Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet li jagħmlu lil xi wħud differenti minn ħaddieħor. Ma nsemmi xejn għax jistgħu jkunu minn kollox. Madanakollu, huma x’inhuma dar-raġunijiet aktarx dejjem jgħalqu lill-persuna fiha nnifisha jew iġġegħluha tgħix f’dinja tagħha weħidha li kważi kważi hi biżżejjed għaliha nnifisha.

Nies bħal dawn mhumiex imġienen, defiċjenti, ħżiena jew mostri. Xejn minn dan. Anzi, ħafna drabi ssibhom b’immaġinazzjoni akbar minn ta’ ħaddieħor, b’sensittività ’l fuq min-normal u b’kapaċità li jgħixu kuntenti magħhom infushom mingħajr ma jiddependu fuq ħaddieħor.

Il-ħtieġa ta’ xi kumpanija

Nies li jħobbu l-kumpanija, li jħarsu lejn ħaddieħor biex jiksbu mingħandhom appoġġ, li ma jafux joqogħdu weħedhom, dan-nies m’għandhomx għalfejn iħarsu bl-ikreh lejn ħaddieħor li m’huwiex bħalhom. Ħafna drabi hekk isir. Fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol, fiċ-ċentri soċjali u l-bqija, in-nies differenti jitwarrbu.

Bniedem kapaċi tisimgħu jgħid li aħjar ikun waħdu milli ma’ kumpanija li ma tgħoġbux. Mitt darba u elf. Imma kull bniedem irid xi kumpanija, ukoll ta’ bniedem ieħor biss. Ħadd m’għandu jkun maqtugħ minn kull ħlejqa ħajja oħra. Il-kumpanija, imqar jekk ċkejkna, hi meħtieġa għall-iżvilupp b’saħħtu ta’ kull bniedem.

In-nies li huma differenti minn ħaddieħor mhux meħtieġa li jkunu nies maqtugħin mid-dinja. Ħafna drabi hu meħtieġ biss li l-kumpanija li jżommu tkun għal qalbhom, kumpanija li tagħtihom gost, kumpanija li jħossuhom komdi fiha. Bniedem differenti għandu gosti differenti. Dawn iridu dejjem jiġu rrispettati.

Tiqafx tfittex

Ħafna nies jiddejqu jagħmluha ma’ nies li kulħadd jarahom differenti. Jiddejqu għax forsi ma jkunux jafu x’se jaqbdu jgħidu. Jistgħu jiddejqu għax jibżgħu mill-ġudizzju ta’ ħaddieħor. Ħaġa waħda aktarx hi ċerta: li l-kumpanija ta’ nies differenti rari tkun ta’ dwejjaq. Għax dan-nies għandhom ħafna x’jagħtu, u ftit isibu fejn jagħtuh.

Meta tagħmilha ma’ nies li kulħadd jitwarrab minn magħhom għax huma differenti, tgħidx kemm tiskopri affarijiet sbieħ u prezzjużi dwarhom. Lanqas qatt tobsor kemm dan-nies differenti huma minjiera ta’ sbuħija u simpatija kbira. Kważi kważi, ma niddejjaqx ngħid, aktar minn ħaddieħor li ssibu dejjem man-nies jew imdawwar bin-nies.

In-nies differenti huma ħafna drabi ġawhar li qishom moħbija jew mistura. Ftit nies jiskopruhom għax kulħadd jimxi mal-massa u l-merħla, u joqgħod pass jew mija l-bogħod. Dan għax nies differenti jfakkru lill-oħrajn fl-insigurtajiet u l-inċertezzi tagħhom. In-nies ma jersqux lejhom mhux għax jistmerruhom, imma aktarx għax jistmerru lilhom infushom.

Min hu differenti m’għandu xejn biex jistħi jew jiddejjaq minn ħaddieħor. Żgur li hemm barra jeżisti xi ħadd li qed ifittex persuna differenti oħra. Taqtax qalbek, u qatt għid li lilek ma jridek ħadd. Tiqafx tfittex. Issib żgur. 


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?