Ut unum sint

L-arkivji jżommu fi ħdanhom il-wirt tan-nazzjon. Huma l-imħażen tat-tifkiriet, il-ġabra tal-memorja nazzjonali. Madanakollu, fil-Gżejjer Maltin l-arkivji huma mifruxin u sparpaljati b’tali mod li bejniethom m’hemmx la ekonomija ta’ spazju u riżorsi, u wisq anqas koordinament. Xi darba, l-arkivji kollha, partikularment tal-Gżejjer Maltin, għad iridu jsiru ħaġa waħda.

Il-ħafna arkivji mifruxin

“Ut unum sint” hija espressjoni bil-Latin li tfisser “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Dan nistgħu ngħiduh għall-ħafna arkivji li għandna mifruxin f’Malta u Għawdex. Għal min mhuwiex midħla tal-arkivji, la pubbliċi u lanqas privati, jista’ jkun jaf li dawn huma mħażen mimlijin karti. Dal-karti huma dokumenti, ħafna minnhom manuskritti, jiġifieri miktubin bl-idejn, li huma uniċi, storiċi u imprezzabbli.

L-arkivji li għandna fil-Gżejjer Maltin iżommu dokumenti li jmorru lura mijiet ta’ snin. Dad-dokumenti jirreġistraw l-imgħoddi kollu tagħna fl-irquqijiet u d-dettalji kollha tiegħu. Min jistudja dad-dokumenti jrid ikollu paċenzja u kalma kbira, għax mhux faċli taqra l-lingwaġġ tagħhom u l-kitba li biha jiktuh. Il-materjal ta’ dad-dokumenti huwa delikat, fraġli u prezzjuż.

Minkejja did-dgħufija kollha, l-arkivji huma mkejjen ta’ għana u importanza bla qies. Mingħajrhom tmut il-momorja nazzjonali. Fl-arkivji litteralment hemm l-istorja tagħna. Madanakollu, il-ħafna li għandna huma kollha maqtugħin minn xulxin u mifrudin minn xulxin. Ut unum sint! Mhux li jkunu ħaġa waħda!

Spazju virtwali wieħed

Biex l-arkivji kollha ta’ Malta u Għawdex ikun arkivju wieħed m’hemmx għalfejn il-ġabra fiżika tal-materjal kollu li d-diversi arkivji jżommu ġo fihom. Qabel hekk kien, imma llum le. Meta xi gvernijiet lajċi, bħal fl-Italja, Spanja u Franza, ngħidu aħna, riedu jkollhom l-arkivji magħqudin, speċjalment dawk tal-istat u dawk tal-knisja, allura raw kif akkwistaw id-dokumenti u bdew jiġbruhom f’imkien wieħed.

Dan l-isforz fiżiku bil-kemm hu possibbli llum minħabba l-kobor tal-arkivji. Imma lanqas ma hemm bżonnu lanqas. Il-ħażna elettronika ta’ tagħrif diċitali jneħħi għal kollox il-bżonn li d-dokumenti fiżikament jinżammi f’imkien wieħed. L-ispazju wieħed ikun biss virtwali. Kull dokument ikun jista’ jibqa’ eżattament fejn qiegħed fl-arkivju rispettiv tiegħu, tal-istat, tal-knisja jew privat.

Ovvjament, biex issir ħażna elettronika fi spazju arkivjali wieħed, id-dokumenti fl-arkivji mifruxa jridu jsirulhom versjoni diġitali tagħhom, u dawn ikunu aċċessibbli b’mod organizzat minn spazju elettroniku wieħed.

Issir realtà malajr

Dan il-proċess diġà beda. Mhux il-proċess li l-arkivji kollha ta’ Malta u Għawdex jibdew jiġu aċċessati minn sit elettroniku wieħed, imma l-proċess li bih id-dokumenti rispettivi ta’ xi arkivji diġà bdew jiġu maħżuna diġitalment. L-impressjoni tiegħi li ftit arkivji għamlu jew bdew jagħmlu dan. Imma għall-anqas għandna l-bidu.

Dal-għadd ta’ ftit arkivji li jiddiġitalizzaw id-dokumenti tagħhom jeħtieġ li jikber. Il-gvern, bil-ħsieb aħħari li jinħoloq super-arkivju wieħed, għandu mhux biss jippromovi u jinċentiva d-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti, imma wkoll jipprovdi riżorsi, umani, finanzjarji u materjali biex dan isir.

Il-ħolqien ta’ arkivju wieħed biss mhux biss iħeffef ix-xogħol tar-riċerkaturi, imma wkoll ikabbar bil-wisq ir-riċerka nnifisa, u wkoll kapaċi jiddiversifikaha. Arkivju wieħed li jġib il-miljuni ta’ dokumenti mifruxin ma’ Malta u Għawdex, inkluż tal-magħmudijiet, iż-żwiġijiet, l-imwiet u l-bqija, fuq il-bażi tad-dritt tal-informazzjoni, ikompli jsaħħaħ is-soċjetà politika u soċjali fl-ideali demokratiċi tagħha.

Hu att altament u summament demokratiku dak li jagħti aċċess sħiħ u komuni għad-dokumenti arkivjali kollha li jeżistu f’Malta u Għawdex. Ix-xewqa “Ut unum sint”, “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”, m’għandhiex tibqa’ biss hekk, xewqa, imma għandha ssir, għall-ġid tal-poplu Malti kollu u wkoll tal-ġenerazzjoni il-ġejjiena, realtà kemm jista’ jkun malajr.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?