L-iskandlu tal-kirjiet

Ma tgħaddix ġimgħa, u xi kultant lanqas jumejn, mingħajr ma nisma’ minn fomm l-imġarrab il-weġgħat ta’ min qed jinfena bil-kera li jħallas jew tħallas. Xi wħud, bir-rati m’ogħla s-sema tal-kirjiet li qed iżommu, donnhom m’għandhom ebda skruplu, u jkomplu jagħmlu li qed jagħmlu aktarx mingħajr tingis tal-kuxjenza. Dawn għandhom ikunu jafu li l-għemil tagħhom hu immorali, u jammonta għal dnub.

Immoralità

Għalkemm kien hemm xi drabi meta l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika qalu xi kelma ta’ malajr fuq l-immoralità ta’ kirjiet esaġerati jew saħansitra esuberanti, ma jidhirlix li hi xi prattika regolari li l-isqfijiet jew is-saċerdoti jitkellmu fuq dan. M’għandniex għalfejn ngħidu li, fit-tagħlim soċjali Kattoliku, huwa espressament stabbilit li kirjiet għoljin wisq jikkostitwixxu dnub, u l-insara huma moralment obligati li jieqfu jagħmluh.

Dan donnu ma jgħodd xejn f’Malta u Għawdex. Waqt li eluf ta’ nies qed jiġu magħsura l-ħin kollu b’kirjiet ta’ sitt mija, seba’ mija, tmien mija u aktar t’ewro fix-xahar, din il-prattika korrotta, abbusiva u immorali donnha qed issir ħaġa normali li kull bniedem “bil-għaqal” għandu jagħmel.

Le. Kirjiet għaljin wisq, kirjiet li jgħassru lin-nies, kirjiet li qed joħolqu tant imrar, huma immorali; jiġifieri jikkostitwixxu dnub. Kull saċerdot li jqarar dnub bħal dan, ma jistax jagħti l-assoluzzjoni mingħajr l-impenn li l-kera titbaxxa għal livelli deċenti.

Fibra morali

Naħseb li ma nkunx sejjer żbaljat jekk ngħid li tagħlim reliġjuż morali fuq dan m’hawnx biżżejjed. Dan jgħodd kemm għas-saċerdoti u kemm għall-isqfijiet. Il-prattika immorali tar-rati esaġerati saret tant komuni li kulħadd jaħsibha kompatibbli mat-twemmin Kattolika. Le, m’hijiex. Hija prattika li tobliga indiema u riparazzjoni.

Kemm Maltin u kemm barranin li jgħixu fostna, li għadd tant huwa fl-għaxriet tal-eluf, jekk mhux aktar, huma magħsura u mkidda minn dan id-dnub soċjali li għaddej mingħajr l-oppożizzjoni morali ta’ min hu responsabbli mit-tagħlim pubbliku reliġjuż. Dawn il-vittmi qed ibati l-konsegwenzi mhux biss tal-ħniżrija ta’ min jikri b’rati esaġerati ta’ kiri, imma wkoll tal-indifferenza ta’ min ma jitkellimx u ma jgħallimx.

Jekk hemm xi fibra reliġjuża fil-qlub ta’ min jikri, u allura, nittama, xi fibra wkoll morali, għandu l-obligu li jieqaf jisfrutta n-nies bil-kirjiet skandalużi li jżomm. Li tagħsar in-nies huwa direttament kontra l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu, imma huwa wkoll kontra kull prattika etika aċċettabbli.

Ibda int!

Din l-immoralità, dan in-nuqqas serju ta’ etika, dan l-iskandlu huwa hekk mifrux f’Malta u Għawdex li niddubita hawnx familja waħda li hi meħlusa minnu. Dan jimplika li lkoll kemm aħna, bħala poplu, ninsabu kompliċi ta’ dan il-qerq miftuħ li jagħmel parodija mill-umaniżmu tagħna bħala Maltin u Għawdxin.

Mhux biss il-ħniena u l-karità, imma fuq kollox il-ġustizzja, jitolbu li din il-prattika tieqaf. Min qed jikri bi prezzijiet esaġerati ta’, ukoll għal griebeċ u xi ftit kmajriet, qed jisraq lil min ma jistax jagħmel mod ieħor, imma wkoll qed joffendi l-bon ordni u d-dritt naturali.

Il-kirjiet esaġerati huma oltraġġ hekk serju li l-prattika mifruxa u twila tiegħu fostna jindika x’tip ta’ tħejjija soċjali, politika u reliġjuża għandna lkoll. Dan m’għandux ikompli. Għandna nuru li aħna poplu matur u mhux abbużiv. Għandu nuru li m’aħniex poplu ta’ sfruttaturi.

Jekk int wieħed jew waħda minn dawk li jikru b’rati esaġerati, IBDA INT biex twaqqaf dil-ħniżrija, u mhux toqgħod tistenna li jibda ħaddieħor.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?